STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Pjazez għan-nies – ħajjin u mimlija attvità
Nhar is-Sibt 25 ta’ April, ġiet imtella’ l-attività iż-Żunżana ddur iddur fil-Pjazza tal-Imqabba mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħliijet Pubbliċi b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imqabba. Din l-attività kienet miftuħa għall-pubbliku kollu u kienet bla ħlas.
Infatti, għexieren ta’ familji attendew bi ħġarhom għal din l-attività, fejn ħafna tfal lagħbu fiż-żoni diversi bħal bouncy castles, logħob edukattiv għat-tfal żgħar, kif ukoll magicians fost oħrajn.
Apparti dan kollu, kien hemm attività għal kulħadd, mhux biss għat-tfal, b’mużika minn diversi talenti lokali bħal Fabrizio Faniello, Glen Vella, kif ukoll il-banda tant popolari Big Friends Guggen Musik Malta li mlew il-Pjazza bil-briju tagħhom b’silti minn diski popolari.
Din l-attività saret bħala l-ftuħ mil-ġdid għall-pubbliku tal-Pjazza tal-Imqabba, fejn sar xogħol estensiv mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-aħħar ġimgħat. Il-proġett tar-rinovar tal-Pjazza tal-Imqabba ffoka fuq it-tisħiħ u t-titjib tal-paviment eżistenti tal-lava, ġie imnaddaf u reġa’ tqiegħed b’mod aktar stabbli, filwaqt li ġiet imtejjba s-sottostruttura u l-ġonot. Ix-xogħol sar f’diversi fażijiet biex jitnaqqas l-inkonvenjent, u wassal għal spazju aktar sigur u reżiljenti.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li spazji miftuħa mhumiex biss il-ġonna illi jsiru “iżda rridu naraw illi l-pjazez tagħna, ċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna, ikunu mimlija bin-nies, mimlija bit-tfal, fejn jistgħu jiġu jieħdu pjaċir mal-familji tagħhom.” Huwa żied jgħid kif din hi t-triq ’il quddiem “biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Is-Sindku tal-Imqabba Grace Marie Zerafa rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia “kemm talli saret il-manutenzjoni tant meħtieġa ta’ din il-Pjazza, kif ukoll għal din l-attività li mliet il-Pjazza tal-Imqabba b’ferħ u allegrija.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN