Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-ħaddiema kollha tal-BCA b’kundizzjonijiet tax-xogħol imsaħħa bl-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi tekniċi u amministrattivi

PR2607250
Date Icon 24/04/2026

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippresjeda l-iffirmar ta' ftehim kollettiv ieħor għall-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) li se jaffettwa mad-90 ħaddiem, fil-gradi tekniċi u amministrattivi. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet kien iffirmat il-ftehim kollettiv għall-gradi maniġerjali, biex b'hekk il-ħaddiema kollha tal-BCA qed igawdu minn kundizzjonijiet ta' xogħol imsaħħa.

Il-Ministru sostna li “Dan huwa messaġġ ċar u konkret ieħor tal-viżjoni tal-Gvern li qed ikompli jpoġġi lill-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, mhux biss permezz ta' apprezzament simboliku, iżda permezz ta' azzjoni tanġibbli li tirrikonoxxi d-dinjità tax-xogħol u r-responsabbiltà li dan iġorr miegħu."

Dan il-ftehim, li jkopri l-gradi tat-tekniċi u dawk amministrattivi, jagħti rikonoxximent ċar u konkret lill-irwoli kruċjali ta' dawn il-ħaddiema, li jkomplu joffru servizz aħjar u aktar effiċjenti liċ-ċittadini sabiex din l-awtorità tibqa' taqdi bl-aqwa mod il-funzjonijiet tagħha.

“Jiena fiduċjuż li flimkien nistgħu nbiddlu dan il-ftehim f'realtà tanġibbli, li tinħass, mhux biss fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll fil-mod kif iċ-ċittadini jsibu quddiemhom Awtorità aktar effiċjenti, aktar ġusta u aktar umana," sostna l-Ministru Attard.

Dan l-iffirmar wassal għat-tielet ftehim kollettiv iffirmat fi spazju ta' ġimgħatejn fil-Ministeru. Dan hekk kif apparti dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi tal-BCA,  ġie ffirmat ukoll l-aqwa ftehim għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati b'aktar minn 500 impjegat affettwat.

Dan il-pass jirrifletti impenn ċar lejn investiment kontinwu fir-riżorsa uman tal-Awtorità. Fil-fatt, l-awtorità rat tkabbir sinifikanti fil-riżorsa umana, fil-budget operattiv u kif ukoll żieda fil-fondi allokati għal skemi u inizjattivi.

Il-Ministru Attard enfasizza li dan il-ftehim huwa frott ta' negozjati serji u responsabbli mibnija fuq rispett u djalogu kostruttiv bejn il-partijiet kollha involuti, inkluż il-General Workers' Union, l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-maniġment u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

“Dan il-ftehim mhux biss itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda jagħti wkoll il-kunfidenza u l-istabbiltà meħtieġa biex il-ħaddiema jkunu rappreżentanti kredibbli, responsabbli u aċċessibbli tal-Awtorità," temm jgħid Dr Attard.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, sostna li dan huwa ftehim ieħor ibbażat fuq proċess ta' negozjar biex il-ħaddiema jkollhom pagamenti adegwati u li fl-istess waqt jkun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. “Għaldaqstant għal dan il-ftehim aħna min-naħa tagħna rajna li jkun hemm inċentivi ġodda li ovvjament jirriflettu wkoll ir-responsabbiltajiet tal-ħaddiema," qal il-Perit Bonnici.

Il-President tal-General Workers Union Jason Deguara qal li dan huwa wieħed minn diversi ftehimiet li ġew magħluqin fl-aħħar ġranet u huwa ftehim importanti li jorbot lill-ħaddiema kollha tal-BCA li ħa jkun qed itejjeb kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kif ukoll dawk finanzjarji. “Inħarsu 'l quddiem għal aktar kollaborazzjoni flimkien mal-Ministeru u kif ukoll mal-Management biex il-kundizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema dejjem jibqgħu jitjiebu," sostna Deguara.

Fost dawk preżenti għall-iffirmar ta' dan il-ftehim kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, iċ-Chairman tal-bord tal-BCA l-Perit Simon Saliba, il-Kap tal-Industrial Relations Units fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Thomas Woods, rappreżentanti mill-General Workers Union u tal-ħaddiema.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-ħaddiema kollha tal-BCA b’kundizzjonijiet tax-xogħol imsaħħa bl-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi tekniċi u amministrattivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-ħaddiema kollha tal-BCA b’kundizzjonijiet tax-xogħol imsaħħa bl-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi tekniċi u amministrattivi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow