STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Aktar minn 100 għaqda volontarja jibbenefikaw minn skema ta’ effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma
Aktar minn €2.56 miljun ġew investiti fi proġetti minn għaqdiet volontarji, li huma mistennija jiġġeneraw aktar minn 1.6 miljun kWh ta' enerġija nadifa u jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO₂ b'652 tunnellata, ekwivalenti għall-konsum tal-enerġija ta' aktar minn 280 dar.
Dan tħabbar waqt ċerimonja ta' rikonoxximent organizzata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma għall-għaqdiet volontarji li lestew b'suċċess proġetti permezz tar-raba' u l-ħames edizzjoni tal-iskema tal-effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma.
Waqt l-attività, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli rrikonoxxiet l-isforzi ta' dawn l-għaqdiet volontarji. “Ir-riżultati miksuba permezz ta' din l-iskema huma eżempju ċar tas-suċċess tagħha u tal-impatt pożittiv li qed tħalli fuq l-għaqdiet volontarji u l-komunitajiet tagħhom. Dawn l-isforzi juru d-dedikazzjoni tal-NGOs lejn komunità aħjar u aktar sostenibbli, u għalhekk se nkomplu nappoġġjawhom u ngħinuhom biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma u jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom," qalet il-Ministru.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia enfasizzat l-irwol essenzjali li għandhom l-għaqdiet volontarji fil-komunitajiet tagħna, u qalet li dawn jgħinu biex jiffurmaw mhux biss l-identità tal-pajjiż iżda wkoll jikkontribwixxu lejn futur aktar sostenibbli u reżiljenti. “L-għaqdiet volontarji jinsabu fiċ-ċentru ta' ħafna inizjattivi fil-komunità u jipprovdu servizzi ta' valur lis-soċjetà Maltija. Billi nappoġġjaw dawn l-għaqdiet permezz ta' skemi bħal din, qed ngħinuhom itejbu l-faċilitajiet tagħhom u jkomplu jinvestu fil-komunitajiet tagħhom, filwaqt li nsaħħu s-settur volontarju u nappoġġjaw komunitajiet aktar sostenibbli u reżiljenti," temmet tgħid il-Ministru.
Waqt l-avveniment, l-Inġ. Charles Buttigieg, mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, esprima l-impenn tal-Aġenzija li tappoġġja lill-għaqdiet volontarji fl-isforzi tagħhom favur s-sostenibbiltà. “Din l-iskema tirrifletti l-impenn tal-Aġenzija li tappoġġja lill-għaqdiet volontarji hekk kif jinvestu fit-tkabbir u s-sostenibbiltà tagħhom stess. Permezz ta' dan l-appoġġ, l-għaqdiet qed itejbu l-effiċjenza tagħhom, isaħħu l-kwalità tax-xogħol tagħhom u jtejbu s-servizzi li jipprovdu lill-komunità. Billi jnaqqsu l-ispejjeż operattivi, huma kapaċi jerġgħu jinvestu aktar fl-attivitajiet tagħhom u jkomplu jagħmlu impatt pożittiv fejn hemm l-aktar bżonn."
Preżenti għall-attività kien hemm ukoll l-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn din l-iskema u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
L-għaqdiet volontarji li bbenefikaw jinkludu assoċjazzjonijiet sportivi, każini tal-baned, għaqdiet soċjali u oħrajn li jgħinu gruppi vulnerabbli. Il-proġetti kienu jinkludu tindif u manutenzjoni ta' ġibjuni tal-ilma, tibdil ta' sistemi tad-dawl b'dawl LED aktar effiċjenti (inkluż floodlighting f'faċilitajiet sportivi), tibdil ta' tagħmir antik tal-kċina u units tal-arja kkundizzjonata ineffiċjenti, kif ukoll l-installazzjoni ta' solar water heaters u water heat pumps.
B'konformità mal-impenn kontinwu tal-Gvern biex jappoġġja s-settur volontarju, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se tniedi s-6 sejħa ta' din l-iskema fit-18 ta' Mejju, u b'hekk se tkompli toffri opportunitajiet lill-għaqdiet biex jinvestu f'miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma, wara sessjoni ta' informazzjoni li ħa ssir fil-5 ta' Mejju għall-applikanti interessati.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN