STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Investiment sostenibbli fil-komunità: vann elettriku ġdid għar-residenti ta’ Ħal Għaxaq
Vann elettriku ġdid fil-lokalità ta' Ħal Għaxaq ser igawdu minnu r-residenti billi ser ikun qed jintuża biex jittieħdu għal appuntamenti importanti li jkollhom. Vann li nkiseb permezz tal-iskema 'Proġetti fil-Komunità 2023' tal-Local Enforcement System Agency (LESA).
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, akkumpanjat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Għaxaq, spjega li din l-iskema għandha l-għan li tirritorna lura lill-komunitajiet il-fondi ġġenerati mit-taħrikiet, billi dawn jiġu investiti f'inizjattivi li jġibu benefiċċju dirett lir-residenti.
F'dan il-kuntest, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Għaxaq għażel li jinvesti fl-akkwist ta' vann modern, kompletament elettriku, b'kapaċità ta' disa' persuni, bħala parti minn impenn lejn sostenibbiltà ambjentali u mobilità aktar nadifa.
Dan il-vann ser jintuża biex jipprovdi servizz ta' trasport bla ħlas lir-residenti anzjani tal-lokalità, u b'hekk jiffaċilita l-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kuljum, fosthom appuntamenti mediċi u ta' saħħa, servizzi tal-posta, meta persuna jkollha bżonn tmur il-bank u appuntamenti oħra neċessarji.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li dan l-investiment juri b'mod konkret li l-fondi pubbliċi jistgħu jiġu direttament fil-komunità, b'benefiċċju tanġibbli għan-nies. Huwa żied jgħid li inizjattivi bħal dawn jikkontribwixxu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja, speċjalment għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Gvern lejn transizzjoni ekoloġika u komunitajiet aktar inklussivi.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Ħal Għaxaq Karl Boxall esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-akkwist ta' dan il-vann elettriku ġdid, proġett li sar realtà grazzi għall-fondi tal-Local Enforcement System Agency (LESA), filwaqt li rringrazzja lill-Ministeru għall-appoġġ. “Dan huwa investiment dirett fil-komunità tagħna li se jtejjeb is-servizzi offruti lir-residenti, b'mod partikolari lill-anzjani u persuni vulnerabbli. Il-vann se jiffaċilita l-aċċess għal servizzi essenzjali u jikkontribwixxi għal kwalità ta' ħajja aħjar," sostna s-Sindku.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN