STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ftehim Kollettiv storiku bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Union Technicals and Clericals
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppresjeda fuq l-iffirmar ta' Ftehim Kollettiv ġdid bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Union Technicals and Clericals (UTC), ftehim li huwa fost l-aktar favorevoli li qatt inkisbu fl-istorja tal-Awtorità.
Dan il-ftehim ikopri 230 uffiċjal u jirrappreżenta rikonoxximent ċar tas-snin ta' servizz dedikat tagħhom, kif ukoll tal-istandards għoljin li jilħqu b'mod konsistenti fir-rwoli tagħhom. Huwa jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li l-impjegati jkunu rikonoxxuti u mħallsin b'mod ġust għall-prestazzjoni u l-kontribut tagħhom.
F'din l-okkażjoni, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-Ftehim Kollettiv jirrifletti l-impenn ċar tal-Gvern biex inkomplu nsaħħu l-Awtorità tal-Ippjanar b'kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tagħha. Irridu sistema moderna, effiċjenti u ġusta li tagħti valur lill-ħaddiema li kuljum jikkontribwixxu għall-kwalità u s-sostenibbiltà tal-iżvilupp f'pajjiżna." Huwa żied jgħid li l-Gvern jibqa' impenjat li jkompli jtejjeb il-qafas tax-xogħol u jsaħħaħ il-fiduċja fil-proċessi tal-ippjanar, filwaqt li jiżgura li l-ħaddiema jingħataw ir-rikonoxximent li jixirqilhom.
Il-Kap Eżekuttiv, Johann Buttigieg, irrimarka li “permezz ta' dan il-ftehim kollettiv, mhux biss qed noffru pakkett ta' kundizzjonijiet kompetittiv lill-impjegati tagħna fil-karigi klerikali u tekniċi, iżda l-Awtorità tħares 'il quddiem biex tattira aktar żgħażagħ u studenti lejn il-qasam tal-ippjanar, anke permezz ta' korsijiet u programmi offruti b'kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet akkreditati, li se joffru opportunitajiet ta' taħriġ u impjieg mal-Awtorità tal-Ippjanar." Huwa żied jgħid li l-Awtorità tagħti importanza kbira l-wellbeing tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol. Madanakollu, fl-istess waqt tistenna li l-impjegati jkomplu jtejbu l-effiċjenza u l-produttività tagħhom.
Il-ftehim jintroduċi numru ta' titjib importanti għall-impjegati, fosthom l-introduzzjoni ta' Enforcement Allowance għall-uffiċjali eliġibbli, allowance supplimentari ġdida estiża għall-impjegati fi Grad 8, kif ukoll l-aktar pakkett finanzjarju kompetittiv li qatt offriet l-Awtorità tal-Ippjanar.
Barra minn hekk, dan il-ftehim isaħħaħ l-impenn tal-Awtorità lejn bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jkompli jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol aktar attraenti u ta' kwalità.
Ritratt: MGP
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN