STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Il-proġetti tal-ilma ta’ Malta jiksbu tifħir mill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent
Il-Kummissarju Ewropew Jessika Roswall, responsabbli mill-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u l-Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva, faħħret l-investiment li Malta qed tagħmel fl-infrastruttura tal-ilma u rrikonoxxiet l-innovazzjoni tal-pajjiż fl-immaniġġjar ta' din ir-riżorsa.
“Huwa ta' sodisfazzjon li tara kif diversi sistemi tal-immaniġġjar tal-ilma qed jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pajjiż. Dan huwa aspett importanti kemm għall-Maltin kif ukoll għall-Ewropa, billi rridu nżidu l-isforzi tagħna flimkien biex ninvestu fir-reżiljenza tal-ilma," qalet il-Kummissarju.
Akkumpanjata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, il-Kummissarju Roswall żaret diversi investimenti li Malta qed twettaq fl-infrastruttura tal-ilma u tad-drenaġġ, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma.
“B'investiment ta' aktar minn €370 miljun, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tħejji lil pajjiżna għall-isfidi tal-futur, b'appoġġ parzjali minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Flimkien mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent iddiskutejna kif nistgħu nkomplu nsaħħu r-reżiljenza tas-settur tal-ilma. Din hija t-triq li rridu nkomplu nimxu fuqha, għax nemmen bis-sħiħ li pajjiżna jista' jkun ta' eżempju għal oħrajn," qalet il-Ministru Dalli.
Fl-Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ taċ-Ċumnija fil-Mellieħa, ġie spjegat kif investiment ta' €33.15 miljun se jintuża biex jiġi mmodernizzat dan l-impjant. Il-proġett jinsab fl-istadju tad-disinn, bil-kostruzzjoni mistennija tibda fix-xhur li ġejjin, u se jwassal għal operat aktar nadif, aktar kwiet u aktar effiċjenti.
Il-Kummissarju Roswall żaret ukoll il-mini taħt l-art tal-ilma tal-pjan Ta' Bakkja, assi tal-ilma importanti ħafna f'Malta. Din is-sistema ta' mini tinsab madwar 100 metru taħt l-art u fiha aċċess għal sitt mini tal-ilma.
Minn dawn il-mini, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiġbor madwar 6% tal-ilma tal-pjan, li mbagħad jitħallat mal-ilma tar-reverse osmosis qabel jasal għand il-konsumaturi madwar il-Gżejjer Maltin. Din iż-żjara enfasizzat il-valur strateġiku fit-tul tas-sistema naturali tal- aquifer ta' Malta u l-impenn biex din ir-riżorsa tiġi protetta u mmaniġġjata b'mod sostenibbli.
Fl-Impjant tar-Reverse Osmosis ta' Għar Lapsi, il-Kummissarju żaret ukoll l-installazzjoni solari li ġiet ikkummissjonata reċentement u li issa qed tikkontribwixxi għall-operat ta' dan l-impjant. Dan il-proġett ta' €600,000, iffinanzjat permezz ta' Green Bonds, jkopri spazju ta' 3,300 metru kwadru u jinkludi 888 pannella fotovoltajka b'kapaċità totali ta' 515 kWp.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN