Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Tisħiħ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq

pr260682
Date Icon 21/04/2026

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar li nħareġ il-permess meħtieġ biex jibda proġett sinifikanti ta' tisħiħ u modernizzazzjoni tal-faċilitajiet f'Wied iż-Żurrieq, wieħed mill-aktar postijiet pittoreski u popolari kemm mar-residenti kif ukoll mat-turisti. Din iż-żona, magħrufa għall-veduti spettakolari tagħha u għall-aċċess għall-Blue Grotto, ilha tattira numru kbir ta' viżitaturi tul is-snin, u għalhekk dan l-investiment għandu l-għan li jtejjeb b'mod sostanzjali l-esperjenza tagħhom filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà u s-sostenibbiltà.

Il-proġett jinkludi firxa ta' interventi infrastrutturali mmirati biex itejbu s-servizzi eżistenti. Fost dawn hemm it-titjib tal-kjosk tal-biljetti u l-faċilitajiet tal-operaturi tal-Blue Grotto Boat Tour, li se jiġu modernizzati biex joffru servizz aktar effiċjenti u aċċessibbli, inkluż għal persuni b'diżabilità. Dan se jgħin biex jitnaqqsu l-ħinijiet ta' stennija u jittejjeb is-servizz għall-viżitaturi.

Se jinħolqu wkoll żoni ddedikati għall-għaddasa, fejn dawn ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom b'mod sigur. Dan huwa pass importanti biex tittejjeb is-sigurtà u l-aċċessibilità għal min jinżel Wied iż-Żurrieq biex jesperjenza l-ġmiel li jinsab taħt il-baħar.

Il-proġett jindirizza wkoll il-ħtiġijiet tal-komunità tal-barklori u s-sajjieda, permezz tal-bini ta' faċilitajiet ġodda għall-ħażna tad-dgħajjes u t-tagħmir tas-sajd. Dawn il-faċilitajiet se jgħinu biex jitħares it-tagħmir u ż-żamma ta' dawn l-opri tal-baħar b'mod speċjali fi żminijiet ta' maltemp.

Parti ċentrali tal-intervent hija t-titjib tal-moll, li se jiġi mfassal mill-ġdid biex joffri aċċess aktar faċli u sigur kemm għall-għaddasa kif ukoll aċċess sigur għall-għawm. Il-moll il-ġdid se jinkludi wkoll spazji aħjar għall-irbit tad-dgħajjes. Barra minn hekk, se jiġu installati faċilitajiet sanitarji pubbliċi moderni, li jkunu aċċessibbli u adegwati għall-ħtiġijiet tal-viżitaturi kollha.

Il-proġett se jitwettaq b'approċċ organizzat, b'enfasi fuq standards għoljin ta' sigurtà u kwalità. Se jintuża makkinarju modern li jikkonforma mar-regolamenti ambjentali, u se jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ekosistema naturali taż-żona.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, qal li “wegħedna li din il-parti t'isfel ta' Wied iż-Żurrieq nagħtuha l-aqwa faċilitajiet possibbli, inkluż għall-barklora li jinżlu hawnhekk kuljum biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jagħtu esperjenza turistika mill-isbaħ għall-Blue Grotto." Farrugia kompla jgħid li dawn il-faċilitajiet se jservu wkoll għall-għaddasa li jużaw din iż-żona biex jesploraw il-ġmiel ta' taħt il-baħar li jinsab fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari sostna wkoll li dan il-proġett għandu jibda wara s-sajf ta' din is-sena, sabiex ma jaffettwax l-istaġun turistiku, u li sas-sajf tas-sena d-dieħla jkun jista' jibda jitgawda mill-pubbliku.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tas-servizz tad-dgħajjes tal-Blue Grotto, Clayton D'Amato, qal li dan il-proġett huwa importanti ħafna għall-għaqda, peress li jestendi ż-żoni fejn jinħażnu d-dgħajjes sabiex ikunu mħarsa mill-maltemp li jolqot din iż-żona fix-xhur tax-xitwa.

Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Qrendi David Schembri, flimkien mal-Perit Mario Ellul min-naħa tal-Coastal and Stormwater Unit, kif ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello.

Dan l-investiment ser ikompli jikkumplimenta l-proġett li diġà għaddej f'din iż-żona mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma; dak li għall-ewwel darba f'Wied iż-Żurrieq ikun hemm sistema ġdida ta' drenaġġ li qatt ma kienet teżisti qabel.

Dan ix-xogħol kollu ser ikompli jsaħħaħ lil Wied iż-Żurrieq bħala destinazzjoni ewlenija f'pajjiżna, li toffri infrastruttura moderna, servizzi aħjar u esperjenza aktar pjaċevoli u sigura għal kulħadd.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Tisħiħ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Tisħiħ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Tisħiħ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow