STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Erba’ kunsilli lokali se jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex iwettqu proġetti ta’ ġemellaġġ
Waqt konferenza li saret f'Ħal Safi, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Servizzi Ewropej f'Malta, Rodrick Zerafa, ippreżentaw erba' proġetti ta' ġemellaġġ li se jitwettqu mill-Kunsilli Lokali tal-Birgu, Ħal Safi, Marsaskala u s-Sannat.
Bl-għajnuna ta' Servizzi Ewropej f'Malta, dawn l-erba' kunsilli lokali applikaw b'suċċess għal fondi taħt il-programm Ewropew 'Iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri' (CERV). Permezz ta' dan il-finanzjament, li jammonta għal madwar €70,000, il-kunsilli se jkunu qed iwettqu proġetti ta' ġemellaġġ ma' diversi bliet u rħula Ewropej.
Matul il-konferenza ġie enfasizzat kif il-ġemellaġġi huma għodda importanti għall-għaqda fl-Ewropa, hekk kif ilaqqgħu flimkien nies minn bliet u rħula differenti sabiex jippromwovu l-kulturi, l-iżvilupp ekonomiku u l-fehim reċiproku. Ġie spjegat ukoll li dawn il-proġetti se jkunu qegħdin joħolqu spazju għal involviment dirett taċ-ċittadini, skambju ta' esperjenzi u diskussjoni dwar sfidi komuni fil-livell lokali u Ewropew.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li “permezz tal-Fondi Ewropej qed inkomplu ninvestu b'mod dirett u sostenibbli fil-komunitajiet tagħna, billi nsaħħu l-kapaċità tal-Kunsilli Lokali u nipprovduhom bir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw inizjattivi ta' valur. Dan l-investiment mhux biss jikkontribwixxi għal governanza aktar effettiva fil-livell lokali, iżda jiftaħ ukoll opportunitajiet konkreti għal kollaborazzjoni Ewropea li ġġib benefiċċji reali liċ-ċittadini. Fl-istess ħin, inħeġġu lil kunsilli u entitajiet oħra biex ikomplu jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet u jesploraw b'mod attiv il-fondi disponibbli."
Rodrick Zerafa, il-Kap Eżekuttiv ta' Servizzi Ewropej f'Malta, spjega kif “dawn l-erba' proġetti juru biċ-ċar il-firxa u l-potenzjal kbir tal-ġemellaġġi bejn irħula u bliet Ewropej, li mhux biss isaħħu l-kultura u l-wirt, iżda jindirizzaw ukoll sfidi reali u attwali. Servizzi Ewropej f'Malta se tkompli tħeġġeġ lill-kunsilli lokali, lill-għaqdiet u lil entitajiet oħra sabiex jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-fondi Ewropej, filwaqt li nibqgħu ta' spalla għalihom matul il-proċess kollu biex aktar komunitajiet Maltin u Għawdxin jibnu rabtiet sodi u fit-tul ma' sħab Ewropej oħra."
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku ta' Ħal Safi Johann Mula, ta' Marsaskala Mario Calleja, tal-Birgu John Boxall u s-Segretarju Eżekuttiv tas-Sannat Jeannette Grima.
Il-proġett ta' Ħal Safi se jkun qed jgħaqqad lil Ħal Safi ma' Mythilin fil-Greċja u se jkun qed jiffoka fuq l-agrikoltura. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ is-solidarjetà u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet, filwaqt li joħloq opportunitajiet għal bdiewa, produtturi u ċittadini biex jaqsmu esperjenzi, jesploraw prattiċi sostenibbli u jitgħallmu aktar dwar il-politiki Ewropej li jolqtu s-settur agrikolu.
Il-proġett mill-Birgu lijġib l-isem ta' Harbour, Hill, Highland: Building Bridges between Birgu, Amaseno and Pukë, se jkun qed isaħħaħ il-konnessjonijiet bejn it-Tlett Ibliet f'Malta, l-Italja u l-Albanija permezz ta' djalogu interkulturali, ċittadinanza attiva u aktar għarfien tal-valuri Ewropej.
Min-naħa l-oħra, il-proġett ta' Marsaskala, bl-isem ta' Tackling Domestic Violence in the Local Community, se jlaqqa' flimkien komunitajiet minn 25 stat membru, inkluża Malta, fil-qafas tad-Douzelage, waħda mill-akbar assoċjazzjonijiet ta' ġemellaġġi fl-Ewropa. Dan il-proġett se jkun tkomplija tal-attività ta' ġemellaġġ li l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala kien organizza fl-2019. Matul tlett ijiem ta' attivitajiet se jsiru dibattiti, workshops, diskussjonijiet u laqgħat ma' esperti dwar il-vjolenza domestika.
Il-proġett ta' Sannat ser jgħaqqad liż-żgħażagħ ta' Sannat ma' dawk ta' Montefiascone fl-Italja fejn se jindirizzaw l-impenn taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u Ewropea.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN