STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment fir-riċerka nazzjonali permezz tal-proġett ‘SEED’ biex tittejjeb il-kura fl-ewwel stadji tat-tqala
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda l-proġett SEED (Study of Early Events in Development), inizjattiva ta’ riċerka nazzjonali fuq medda ta’ tliet snin immirata biex tittrasforma l-kura u l-għarfien dwar l-ewwel trimestru tat-tqala f’pajjiżna.
Il-proġett SEED huwa pedament għal kura aktar infurmata. Din ir-riċerka, b’kollaborazzjoni bejn il -Fakultà tal-Health Sciences u l-Fakultà tal-Inġinerija, fi ħdan l-Università ta’ Malta se tistabbilixxi l-ewwel bażi moderna ta’ data f’dan il-qasam. L-istudju se janalizza d-data tal-isptar filwaqt li jħares lejn l-esperjenzi tan-nisa u t-tobba.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li dan il-proġett jidħol perfettament fil-qafas tal-Viżjoni Malta 2050, fejn ir-riċerka tissarraf f’soluzzjonijiet prattiċi għas-soċjetà. Huwa spjega li s-sejbiet ta’ dan l-istudju se jservu ta’ gwida għal ippjanar aħjar u għal servizzi li huma reżiljenti u kapaċi jadattaw, filwaqt li tinbena sistema li tapplika l-għarfien b’mod li jagħmel differenza reali fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
Dr Lara Sammut, ir-riċerkatriċi prinċipali tal-proġett, enfasizzat il-bżonn ta’ dan l-istudju għas-settur tas-saħħa lokali. Hija stqarret li, “SEED twieled mill-ħtieġa li nifhmu aħjar x’qed jiġri fil-bidu tat-tqala f’Malta, stadju fejn hemm ħafna inċertezza, iżda ftit evidenza ċara. Għaldaqstant huwa kruċjali li nibnu din l-evidenza, sabiex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u ntejbu l-kura fil-bidu tat-tqala.”
Dan il-proġett huwa eżempju ħaj ta’ kif l-evidenza nazzjonali se tgħin fit-tfassil ta’ politika li tirrispondi għall-bżonnijiet reali tal-lum, b’fokus mhux biss fuq in-numri iżda fuq l-esperjenza umana sħiħa. Dan l-investiment juri l-impenn kontinwu tal-Gvern biex joffri appoġġ lill-familji f’mumenti vulnerabbli u lill-professjonisti li jaħdmu f’ambjenti kumplessi, filwaqt li jsaħħaħ kura iċċentrata fuq il-pazjent f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN