STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Inizjattiva ġdida tal-Malta Food Agency biex tappoġġja l-espansjoni tal-prodotti lokali fis-suq domestiku
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, permezz tal-Malta Food Agency, ħabbar it-tnedija tal-Business Expansion Pilot Initiative, miżura ġdida mmirata biex issaħħaħ il-kompetittività tal-produtturi lokali u tiffaċilita l-aċċess tagħhom għas-suq domestiku.
Din l-inizjattiva hija mfassla biex tindirizza l-isfidi strutturali li jiltaqgħu magħhom produtturi żgħar fis-settur agroalimentari, partikolarment meta jkunu qed ifittxu li jidħlu jew jespandu fis-supermarkets, fis-settur tal-ospitalità (HoReCa), f’pjattaformi diġitali u fi swieq organizzati oħra. Dawn l-isfidi jinkludu rekwiżiti relatati ma’ ippakkjar professjonali, labeling, ittestjar tal-prodott, loġistika u konformità ma’ standards tas-suq.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-produtturi se jingħataw appoġġ finanzjarju biex iwettqu investimenti essenzjali li jippermettulhom jespandu b’mod professjonali u sostenibbli. L-iskema se tkopri sa 70% tal-ispejjeż eliġibbli fuq bażi ta’ rimborż, u tinkludi investimenti f’branding u rebranding, disinn u żvilupp tal-ippakkjar, labeling u konformità regolatorja, kif ukoll aċċess għal sistemi diġitali u pjattaformi ta’ bejgħ online.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qal li din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur agroalimentari Malti, li huwa mibni fuq tradizzjoni qawwija ta’ produtturi żgħar u familjari li jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja. Huwa enfasizza li l-inizjattiva mhux biss tappoġġja n-negozji individwali, iżda tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-katina alimentari u l-ekonomija rurali.
Il-Ministru żied li l-Gvern jibqa’ impenjat li jnaqqas il-barrieri għall-aċċess tas-suq u joħloq aktar opportunitajiet għall-produtturi Maltin biex jikbru, jinnovaw u jespandu l-preżenza tagħhom fis-suq lokali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li s-settur agroalimentari Malti huwa pilastru ekonomiku u parti essenzjali mill-identità nazzjonali, mibni fuq id-dedikazzjoni ta’ produtturi li kuljum iwasslu prodotti ta’ kwalità għolja. Huwa saħaq li permezz ta’ din l-inizjattiva qed jittieħed pass konkret biex il-produtturi jingħataw l-għodda meħtieġa sabiex javvanzaw fin-negozju tagħhom u jsaħħu l-preżenza tal-prodott Malti fis-suq. Huwa żied li l-viżjoni tal-Aġenzija hija li tara aktar prodotti lokali fuq l-ixkafef u fil-menus, b’suċċess dejjem akbar għal negozji Maltin u Għawdxin, filwaqt li dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ekonomija u l-identità nazzjonali.
Justin John Camilleri, Chief Business Development Officer tal-Malta Food Agency qal li din l-inizjattiva tirrappreżenta pass importanti għall-aġenzija għaliex din hija l-ewwel waħda ta’ dan it-tip fi ħdan l-Aġenzija. Spjega li l-inizjattiva se tkun qiegħda tagħti għajnuna diretta lill-produtturi tal-ikel lokali biex ikomplu jsaħħu l-kapaċità kummerċjali tagħhom. L-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva sar proprju biex jgħinu lill-produtturi Maltin u Għawdxin jinvestu biex jippreparaw il-prodott tagħhom għall-bżonnijiet li hemm fis-suq, sabiex b’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet u jsaħħu l-preżenza tal-prodotti lokali f’dawn l-istess swieq.
Business Expansion Pilot Initiative hija wkoll inizjattiva pilota, fejn se jiġi mmonitorjat mill-qrib l-impatt tagħha sabiex jiġu evalwati r-riżultati u, fejn meħtieġ, tiġi kkunsidrata l-espansjoni tagħha fil-futur. Se jiġi applikat qafas ta’ governanza robust, inkluż Selection and Awarding Committee u koordinazzjoni mas-State Aid Monitoring Board, sabiex tiġi żgurata trasparenza, konsistenza u konformità sħiħa mar-regoli applikabbli.
Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur agroalimentari Malti permezz ta’ politika li tippromwovi l-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet ta’ tkabbir għall-produtturi lokali kollha.
Il-formola tal-applikazzjoni se tkun disponibbli fuq www.foodagency.mt, filwaqt li għal kwalunkwe mistoqsija jew kjarifika wieħed jista’ jibgħat email fuq initiatives.mfa@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN