STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU “F’dinja ta’ inċertezza ekonomika, it-tħejjija tagħtina s-saħħa” – id-Deputat Prim Ministru Borg jindirizza summit dwar il-kummerċ fil-Commonwealth
Malta taħtar Mibgħut tal-Gvern għall-kummerċ u l-investiment fil-Commonwealth
“Il-mistoqsija mhijiex jekk is-sistema kummerċjali stabbilita hijiex qed titfarrak. Dan diġà qed iseħħ. Il-mistoqsija hija x’se nibnu flokha. Għax f’dinja ta’ inċertezza ekonomika, it-tħejjija tagħtina s-saħħa.” Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg enfasizza l-importanza strateġika li jitwaqqfu konnessjonijiet ta’ fiduċja sabiex tiżdied it-tħejjija u r-reżiljenza fil-kummerċ, meta kien qed jindirizza l-ftuħ tal-Commonwealth Trade and Investment Summit, f’Londra.
Huwa spjega li l-kummerċ qed jieħu xejra ġdida, hekk kif m’għadux biss dwar effiċjenza jew qligħ, iżda qed jiffoka fuq is-sigurtà, ir-reżiljenza u l-ippożizzjonar strateġiku.
“Qed nimxu mill-globalizzazzjoni għal interdipendenza selettiva. Minn kummerċ miftuħ għal kurituri ta’ fiduċja. Il-katini tal-provvista issa huma assi strateġiċi. U dawk li jibnu sħubijiet ta’ fiduċja, jimmobilizzaw il-kapital u jiksbu r-riżultati se jsawru l-futur,” sostna Dr Borg, hekk kif tenna l-irwol kruċjali tar-relazzjoni mill-qrib bejn is-56 pajjiż tal-Commonwealth fil-ħolqien ta’ dawn ir-rabtiet vitali.
Id-Deputat Prim Ministru Malti, li bħalissa jservi wkoll bħala Chairperson tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), ħabbar li Malta ħatret lil Dr Michaela Muscat Spaak bħala l-ewwel Mibgħut tal-Gvern tagħha ddedikat għall-kummerċ u l-investiment fil-Commonwealth. Permezz ta’ dan l-irwol ġdid, il-Mibgħut se tappoġġja lin-negozji lokali biex jiftħu opportunitajiet u jiffaċilitaw konnessjonijiet konkreti madwar il-Commonwealth.
Bi tħejjija għaċ-CHOGM 2026 aktar tard din is-sena, Dr Borg ħeġġeġ lill-pajjiżi membri biex jagħmlu l-qabża mill-konnessjoni għall-konverżjoni, sabiex jieħdu azzjoni mingħajr dewmien u jħaffu s-sħubijiet, jiftħu l-investiment tagħhom u joħolqu tkabbir madwar il-Commonwealth. Malta diġà qed timxi f’din id-direzzjoni, bħala ekonomija miftuħa bejn diversi reġjuni, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, u bħala pont naturali lejn il-Commonwealth.
“Malta ħadmet biex tikseb qagħda b’saħħitha f’diversi setturi mmexxija mill-oqsma tal-konnettività, is-servizzi finanzjarji, il-loġistika, l-avjazzjoni u dawk marittimi. Qed nimxu mill-volum għall-valur. U l-lezzjoni hija sempliċi: kollox jiddependi fuq il-ħila li niksbu rabtiet ġodda, li nadattaw u li nwettqu. U b’mod speċjali, fuq il-kapaċità tal-Istat li jaġixxi – li jidderieġi s-setturi, inaqqas ir-riskji fl-investiment u li jiffaċilità t-twettiq,” hu stqarr.
Permezz tal-Viżjoni Malta 2050, il-pajjiż qed jibni ekonomija li hija kapaċi tadatta malajr, flessibbli u mħejjija għal dinja aktar kumplessa, żied jgħid.
Id-Deputat Prim Ministru Borg elenka erba’ passi kruċjali lejn it-tħejjija u r-reżiljenza – il-bini ta’ netwerks ta’ kummerċ imsejsa fuq il-fiduċja; l-iggwidar tal-kapital lejn ir-reżiljenza, l-adattament għall-klima u l-infrastruttura diġitali; ħidma sabiex l-Istati jkunu aktar effettivi; u l-implimentazzjoni permezz ta’ sħubijiet, “għax ħadd minna ma jista’ jmexxi din it-tranżizzjoni weħidna.”
F’Londra, Dr Borg iltaqa’ wkoll ma’ Lord Marland ta’ Odstock, iċ-Chairman tal-Commonwealth Enterprise and Investment Council, kif ukoll ma’ mexxejja oħra tal-Commonwealth.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN