Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Ftuħ uffiċjali tal-AgriFair 2026 f’Ta’ Qali

PR260646
Date Icon 17/04/2026

Fil-preżenza tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, illum sar il-ftuħ uffiċjali tal-AgriFair 2026, li qed tittella' fil-Malta Fairs & Conventions Centre f'Ta' Qali u li għandha għaddejja sad-19 ta' April 2026.

L-AgriFair hija avveniment nazzjonali li tiġbor flimkien l-operaturi kollha fis-setturi tal-agrikoltura, is-sajd, l-akwakultura u l-ħarsien tal-annimali, kif ukoll imsieħba oħra fil-katina tal-ikel u l-innovazzjoni rurali.

L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, żaret l-esebizzjonijiet, fosthom ikel, frott, ħaxix u annimali, u setgħet tara frott il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin, u wkoll il-viżjoni tad-diriġenti ta' dan is-settur fejn jidħol l-iżvilupp tal-biedja, sajd u t-trobbija tal-annimali. Fil-ħin taż-żjara tal-President kien hemm tfal minn diversi skejjel u dan jixhed l-impenn li bih ġenerazzjonijiet żgħar qegħdin ikunu mħajra japprezzaw dak li joffri dan is-settur.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, saħaq li AgriFair 2026 hija xhieda ċara ta' kif is-settur agrikolu u dak marittimu f'Malta komplew jissaħħu u jimmaturaw f'oqsma strateġiċi għall-pajjiż. Huwa stqarr li l-viżjoni tal-Gvern hija li jkompli jibni fuq dak li nkiseb billi jsaħħaħ l-investiment fl-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur.

“AgriFair mhijiex biss vetrina tas-settur, iżda pjattaforma fejn il-ħidma, il-proposti u l-ideat jiltaqgħu flimkien biex jinbena futur aktar b'saħħtu għall-bdiewa, is-sajjieda u l-operaturi kollha. Aħna impenjati li nkomplu nappoġġjaw lil dawn is-setturi b'mod konkret sabiex ikunu jistgħu jkomplu jikbru, jinnovaw u joffru kwalità ta' prodott li tirrifletti l-eċċellenza Maltija," stqarr il-Ministru, filwaqt li żied jgħid li l-Gvern jibqa' kommess li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-partijiet interessati kollha sabiex jinkisbu riżultati sostenibbli fit-tul u sabiex is-settur jibqa' reżiljenti quddiem sfidi globali dejjem jiżdiedu.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet, “Illum ftaħna edizzjoni oħra tal-Agrifair, avveniment li sar punt ta' referenza importanti fil-kalendarju agrikolu u tas-sajd f'pajjiżna. Din il-fiera mhijiex biss spazju fejn nuru l-prodotti u l-ħidma tal-bdiewa u s-sajjieda tagħna, iżda wkoll opportunità biex inkomplu nsaħħu l-għarfien dwar is-setturi li huma essenzjali għall-ekonomija u s-sigurtà alimentari tagħna. Inħeġġeġ lill-pubbliku jattendi u jappoġġja lill-produtturi lokali. Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha u lill-partijiet kollha involuti għall-ħidma tagħhom biex dan l-avveniment ikun suċċess ieħor."

L-AgriFair 2026 tinkludi programm estensiv ta' attivitajiet edukattivi, diskussjonijiet tematiċi, wirjiet ta' prodotti lokali u inizjattivi mmirati lejn il-familji u ż-żgħażagħ.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Ftuħ uffiċjali tal-AgriFair 2026 f’Ta’ Qali
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Ftuħ uffiċjali tal-AgriFair 2026 f’Ta’ Qali
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow