STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI Ippubblikati regolamenti ġodda dwar it-trasferiment dirett ta’ siti residwali ta’ proprjetà tal-Gvern
Ġew ippubblikati regolamenti ġodda dwar it-trasferiment dirett ta' siti residwali ta' proprjetà tal-Gvern li jifformaw parti minn żvilupp akbar li għandhom il-mira li jtejbu u jammeljoraw ir-regolamenti provduti fl-Avviż Legali 232 tal-2022 li kien ġie promulgat iktar kmieni f'din il-leġislatura.
Ir-Regolamenti dwar it-Trasferiment Dirett ta' Siti Residwali ta' Proprjetà tal-Gvern kienu ġew introdotti b'suċċess iktar kmieni f'din il-leġislatura biex jippermettu lis-sidien ta' żviluppi akbar jew siti biswithom jakkwistaw tali siti residwali mingħand il-Gvern. Għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti sit residwu huwa dejjem sit li jkun proprjetà tal-Gvern li jmiss ma' sit privat jew jifforma parti minn żvilupp ikbar basta dan l-istess sit ma jkun jista' qatt jiġi żviluppat indipendentement mis-sit aġjaċenti.
Bis-saħħa tar-regolamenti l-ġodda, ġew indirizzati diversi kwistjonijiet, inkluż tifsira aħjar ta' sit residwu, l-istatus tal-applikanti li għandhom utile dominium temporanju, kwistjonijiet marbuta ma' okkupazzjonijiet b'ħafna livelli jew kondiviżi, id-daqs tas-sit li jikkwalifika bħala sit residwali u sistema iktar effiċjenti tal-korrispettiv li għandu jitħallas.
Effett dirett tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regolamenti l-ġodda se jkun senjatament u b'mod partikolari li bis-saħħa tagħhom se tkompli titwettaq wegħda elettorali biex jingħataw iktar soluzzjonijiet lil każijiet ta' individwi jew familji li jkunu xtraw djar jew appartamenti mibnija parzjalment fuq proprjetà li maż-żmien irriżulta li kienet tal-Gvern. B'hekk l-Awtorità tal-Artijiet se jkun possibbli għaliha li toffri lil iktar persuni titolu li jikkonsolida l-proprjetà ta' dawn in-nies b'mod individwali u bi prezzijiet li jwettqu ġustizzja mal-okkupanti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN