STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Il-futur tat-turiżmu f’Malta jeħtieġ aktar rotot tal-ajru fit-tul – id-Deputat Prim Ministru Borg
Il-Konferenza tal-Avjazzjoni ta' Deloitte Malta tiddiskuti r-rabta mill-qrib bejn l-ivvjaġġar bl-ajru u t-turiżmu
Hekk kif Malta qed tidderieġi l-miri tagħha fit-turiżmu lejn aktar reżiljenza, valur ogħla u kompetittività akbar, jeħtieġ tkompli ssaħħaħ il-firxa ta' titjiriet qosra lejn destinazzjonijiet qrib, filwaqt li tibni s-sisien għal iżjed rotot tal-ajru fit-tul, mill-Amerika ta' Fuq u l-Asja.
Il-Ġimgħa filgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fetaħ il-ħames edizzjoni tal-Konferenza tal-Avjazzjoni ta' Deloitte Malta, fil-Furjana, b'enfasi fuq ir-rabta mill-qrib bejn l-ivvjaġġar bl-ajru u t-turiżmu għall-gżejjer Maltin.
“Is-suċċess tagħna jiddependi fuq taħlita b'saħħitha ta' linji tal-ajru, bit-tisħiħ tas-sħubijiet tagħna kemm ma' linji tal-ajru tradizzjonali (legacy) kif ukoll ma' dawk ta' prezz baxx (low-cost), permezz ta' kollaborazzjoni b'saħħitha bejn il-linji tal-ajru u l-operaturi, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u l-entitajiet governattivi u regolatorji," qal Dr Borg, “u filwaqt li s-swieq tagħna tat-titjiriet minn pajjiżi fil-qrib huma żviluppati sew, il-futur tagħna jinsab fl-espansjoni tat-titjiriet fit-tul minn pajjiżi aktar 'il bogħod. F'dan ir-rigward, it-tnedija tat-titjiriet diretti bejn Malta u New York f'Ġunju li ġej hija eżempju ċar ta' dak li nistgħu niksbu permezz ta' ppjanar iffukat u fit-tul."
Huwa spjega li bħala stat gżira, l-avjazzjoni huwa essenzjali għall-konnettività ta' Malta u ċentrali għall-ekonomija tagħha. Il-konnettività bl-ajru hija aktar u aktar kruċjali għat-turiżmu. “B'iżjed minn 98% tal-viżitaturi tagħna jaslu bl-ajru, il-konnettività hija l-aktar fattur deċiżiv fil-kompetittività nazzjonali tagħna," huwa stqarr.
Għalhekk, l-Istrateġija ta' Konnettività ta' Malta, immexxija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tipprijoritizza l-iżvilupp tar-rotot, id-diversifikazzjoni tas-swieq u l-aċċessibbiltà matul is-sena kollha, bħala parti mill-għanijiet ewlenin tagħha biex tappoġġja tkabbir sostenibbli, issaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika, u tiżgura li Malta tibqa' fuq quddiem nett fid-dinja daqstant kompetittiva tat-turiżmu.
Id-Deputat Prim Ministru appella lill-policymakers, lill-esponenti tal-industrija u l-esperti tal-avjazzjoni li qed jieħdu sehem fil-Konferenza biex jużaw dan il-forum bħala opportunità għal iżjed kollaborazzjoni. “Lil dawk fit-tmexxija – ir-responsabbiltà tagħkom hija li tiżguraw ċarezza, konsistenza u prevedibbiltà. L-avjazzjoni tiddependi fuq qafas regolatorju stabbli u implimentazzjoni effiċjenti u f'waqtha. Lill-mexxejja tal-industrija – nistedinkom tinvestu b'kunfidenza. Kunu innovattivi u dderieġu l-ambizzjonijiet ta' tkabbir tagħkom mal-għanijiet fit-tul tal-konnettività ta' Malta, kif ukoll mal-firxa ta' oqsma differenti tal-avjazzjoni li għandna," temm jgħid Dr Borg.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN