Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR - Sistema msaħħa li se żżid l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza fil-kostruzzjoni

pr260622
Date Icon 15/04/2026

Iffirmat ftehim bejn tliet awtoritajiet għal portal diġitali konġunt

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppresedew fuq l-iffirmar ta' ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA), u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) għal sistema msaħħa li se żżid l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza fil-kostruzzjoni.

Il-Ministru Jonathan Attard sostna li dan il-ftehim jifforma parti minn viżjoni ċara tal-Gvern li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru, filwaqt li jippromwovi trasformazzjoni diġitali konkreta mibnija fuq il-konsolidazzjoni, il-kooperazzjoni bejn is-sistemi u l-ħolqien ta' portal diġitali konġunt. “Dan il-ftehim huwa pass importanti li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn dawn l-entitajiet u jkompli jmexxi 'l quddiem il-modernizzazzjoni tas-servizz pubbliku," qal Dr Attard.

Permezz ta' din l-inizjattiva, se jiġi żviluppat portal wieħed integrat li jiffaċilita l-proċessi relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Dan se jwassal għal tnaqqis fil-burokrazija, inqas duplikazzjoni u aktar effiċjenza kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-professjonisti.

Il-Ministru Attard kompla biex jispjega li l-ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta' kollaborazzjoni li jippermetti qsim ta' data b'mod sigur u koordinat, filwaqt li jiżgura servizzi aktar konsistenti u affidabbli. L-implimentazzjoni se tkun iffukata fuq il-ħtiġijiet reali tal-utenti u se ssaħħaħ l-aċċessibbiltà u r-rispons tas-servizzi pubbliċi.

Il-Ministru Attard irrikonoxxa wkoll il-kontribut importanti tal-imsieħba fis-settur, li saħqu fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni u effiċjenza fis-servizzi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri kompla biex jgħid li din l-inizjattiva hija wkoll allinjata mal-Viżjoni 2050, li għandha l-għan li tkompli timmodernizza lil pajjiżna permezz tal-użu strateġiku tat-teknoloġija. Il-Ministru saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti f'għodod u sistemi li jtejbu l-esperjenza taċ-ċittadini u jappoġġjaw lill-ħaddiema fis-servizz pubbliku, filwaqt li jkompli jgħolli l-livell tas-servizzi offruti.

“Il-PA, il-BCA u l-OHSA huma tliet entitajiet li lkoll kemm huma għandhom x'jaqsmu b'mod dirett fejn jidħlu mhux biss il-ħruġ ta' permessi iżda aktar minn hekk ukoll fuq l-implimentazzjoni u għaldaqstant permezz ta' implimentazzjoni f'sistema waħda se nagħmluha aktar faċli għall-klijent jew l-applikant sabiex ikun jista' jinqeda b'mod aħjar," saħaq il-Ministru Camilleri filwaqt li żied jgħid li b'hekk se jkun hemm informazzjoni aktar ċara u aktar minn hekk ukoll dak li jkun mhux se jkollu joqgħod jiġri u jdur minn entità għall-oħra.

Permezz ta' dan il-ftehim se jkun hemm portal wieħed fejn l-awtoritajiet se jkunu jistgħu jimplimentaw u jirċievu l-informazzjoni sottomessa sabiex kemm jista' jkun tonqos il-burokrazija u l-proċess ikun wieħed aktar effiċjenti u mexxej.

L-iffirmar sar mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johan Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Roderick Bonnici, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Josianne Cutajar u fost dawk preżenti kien hemm rappreżentanti mill-awtoritajiet rispettivi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR - Sistema msaħħa li se żżid l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza fil-kostruzzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR - Sistema msaħħa li se żżid l-aċċessibbiltà u l-effiċjenza fil-kostruzzjoni
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow