STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-Gvern isaħħaħ ir-Reġistru Pubbliku b’riformi favur aktar ugwaljanza, effiċjenza u tnaqqis fl-ispejjeż
Tħabbar pakkett ta’ riformi legali li se jkomplu jimmodernizzaw ir-Reġistru Pubbliku, isaħħu l-operat tiegħu u jtejbu s-servizz mogħti liċ-ċittadini. Dawn il-bidliet huma mibnija fuq prinċipji li jiffukaw fuq aktar dinjità, inqas burokrazija u anqas spejjeż għall-pubbliku, filwaqt li jsaħħu s-sistema amministrattiva tar-Reġistru Pubbliku.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, enfasizza dwar il-ħsieb wara dawn il-bidliet: “Meta tkun fil-politika, jew fl-amministrazzjoni pubblika, dak li tagħmel għandu jkollu dejjem għanijiet ċari li jwasslu għat-titjib fil-ħajja u fid-dinjità tal-persuni. Xi kultant affarijiet li jistgħu jidhru żgħar jagħmlu differenza kbira. Jew tiltaqa’ ma’ temi li forsi ma jolqtux l-eluf, iżda jolqtu l-għexieren jew il-waħdiet, imma lil dik il-familja, lil dik il-persuna tkun għamiltilha differenza kbira.”
Fost il-bidliet ewlenin hemm struttura aktar ċara fir-Reġistru Pubbliku, b’distinzjoni bejn is-Sezzjoni tal-Insinwi u tar-Riċerki u s-Sezzjoni tal-Atti ta’ Stat Ċivili. Kull sezzjoni se tkun immexxija minn Direttur dedikat responsabbli għall-operat f’Malta u Għawdex, biex tiġi żgurata uniformità akbar fil-proċessi u direzzjoni strateġika aktar effettiva.
Ir-riformi jindirizzaw sitwazzjonijiet li kienu qed joħolqu diffikultajiet għal diversi familji, fosthom ir-reġistrazzjoni tat-twelid meta l-omm ma tkunx legalment separata iżda miżżewġa lil raġel ieħor li mhux missier it-tarbija. Permezz ta’ mekkaniżmu legali ġdid, il-ġenituri bijoloġiċi se jkunu jistgħu jirreġistraw lit-tarbija direttament, b’inqas burokrazija u spejjeż.
Bidla oħra tikkonċerna l-għażla tal-kunjom fiż-żwieġ, fejn il-Gvern qed ineħħi l-limitu ta’ ħames snin għal koppji miżżewġin qabel l-2021 biex jibdlu kunjomhom mingħajr restrizzjonijiet ta’ żmien.
L-emendi jinkludu wkoll dispożizzjonijiet ġodda dwar iċ-ċertifikati tal-mewt, biex f’każijiet sensittivi l-kawża tal-mewt ma tidhirx pubblikament, filwaqt li tibqa’ rreġistrata uffiċjalment. Fl-istess waqt qed jiġu indirizzati inkonsistenzi fil-qasam tal-adozzjoni biex jiġi żgurat rikonoxximent xieraq tal-ġenituri bijoloġiċi, fejn hemm każijiet li ġenitur naturali jidher fl-att bħala ġenitur adottiv.
Dawn ir-riformi huma akkumpanjati minn miżuri ta’ modernizzazzjoni u diġitalizzazzjoni li se jiffaċilitaw il-ħajja tan-nies u tan-negozji, inkluż sistema elettronika għall-insinwi min-nutara u simplifikazzjoni fil-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ atti relatati ma’ propjetà, fejn jitneħħew il-ħlasijiet doppji u l-pubbliku jibbenefika minn tariffa waħda biss. L-insinwi li se jsiru min-nutara jistgħu jibdew jiġu sottomessi b’mod elettroniku, permezz ta’ portal li l-aġenzija qiegħda fil-proċess li timplimenta. Sal-lum, u sakemm jitlesta dan il-portal dawn iridu jsiru personalment. Dan jikkumplimenta wkoll servizz li diġà nħoloq fis-snin li għaddew fejn in-nutara jirċievu r-riċerki b’mod elettroniku u sigur. Fil-fatt l-ewwel fażi tal-proġett huwa komplut u n-nutara qed jirċievu riċerki dwar testmenti u updates b’mod elettroniku. Fix-xhur li ġejjin din se tiġi estiża għal kull tip ta’ riċerka.
Bidliet legali oħrajn huwa dwar il-karattri u l-alfabett użat. L-atti kollha, bħal l-att tat-twelid, għandhom jiġu ppreparati bl-użu tal-karattri Latini bażiċi tal-ISO u l-karattri Maltin. Għandhom jiġu pprovduti translitterazzjonijiet għal kull dettall li juża settijiet ta' karattri oħra. Fi kliem sempliċi, jekk ħa tirreġistra twelid f’Malta se tuża l-lingwa tagħna li toħroġ mill-Kostituzzjoni. Ċoè l-lingwa u l-alfabett Maltija jew Ingliża.
Il-Ministru temm billi enfasizza li dawn ir-riformi huma parti minn viżjoni usa’ ta’ Gvern li jibqa’ jtejjeb il-ħajja tan-nies. “Dawn huma bidliet, riformi importanti li jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tal-individwu. Riformi li jiġu mill-fatt li ma nistriħux bl-istatus quo, u jixhdu kif dan Gvern li ma jiqafx fejn jidħlu riformi li jistgħu jtejbu l-ħajjiet tan-nies, f’dak li jiffaċċjaw kuljum. Gvern sensittiv li qiegħed hawn biex jassistik f’kull punt ta’ ħajtek.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità, Col. (ret) Dr Edric Zahra sostna li: “Dawn l-emendi juru b’mod ċar id-direzzjoni li fiha miexja l-Aġenzija Identità, dik li tipprovdi servizzi pubbliċi moderni, flessibbli u li jirriflettu r-realtajiet tal-lum. Fost il-miri ewlenin li għandha l-aġenzija hemm li nagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli. Dawn il-bidliet se jfissru proċessi aktar sempliċi, inqas spejjeż u servizzi aktar aċċessibbli għall-pubbliku.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN