Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni li tagħti nifs ġdid lill-Pjazza tal-Ħniena fil-Qrendi

pr260612
Date Icon 14/04/2026

Fi ftit ġimgħat oħra, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jibda proġett ta' riġenerazzjoni fil-Pjazza tal-Ħniena, fil-Qrendi, b'investiment ta' €650,000. Dan il-proġett jixhed l-impenn kontinwu tal-Gvern biex jitjiebu l-ispazji pubbliċi u jitħares il-wirt kulturali lokali, filwaqt li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u tal-viżitaturi.

L-għan ewlieni ta' din l-inizjattiva huwa li tingħata ħajja ġdida lil din il-pjazza storika u importanti għall-komunità tal-Qrendi, billi jiġu mtejba kemm l-estetika kif ukoll il-funzjonalità tagħha. Permezz ta' disinn modern u sostenibbli, il-proġett se joħloq ambjent aktar sigur u aċċessibbli, li jservi bħala spazju ċentrali ta' laqgħa u attivitajiet soċjali. Infatti, din il-pjazza tintuża miż-żewġ għaqdiet tal-festi ta' dan ir-raħal biex jittellgħu attivitajiet fosthom il-fieri tradizzjonali.

Ix-xogħlijiet infrastrutturali se jinkludu l-installazzjoni ta' servizzi ġodda tal-ilma sabiex tiġi żgurata sistema aktar effiċjenti. Barra minn hekk, il-kejbils tal-elettriku li bħalissa jinsabu fuq il-faċċati tad-djar se jitneħħew u jinżlu taħt l-art, pass importanti li mhux biss itejjeb id-dehra viżwali tal-pjazza, iżda jsaħħaħ ukoll is-sigurtà. Se jsir ukoll catchment ta' stormwater biex l-ilma tax-xita jinġabar u jingħaqad mas-sistema eżistenti li twasslu lejn l-għelieqi, u b'hekk jiġi promoss użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.

Bħala parti mill-intervent strutturali, se tinbena slab tal-konkrit ta' kwalità għolja, li fuqha jitqiegħed pavimentar tal-qawwi, magħżul apposta għad-durabbiltà u l-valur estetiku tiegħu. Dan se jkun ikkumplimentat b'borduri ta' lava u porfido, materjali nobbli li jżidu eleganza u jsaħħu l-karattru tradizzjonali tal-lokalità.

Barra minn hekk, se jiġi installat ukoll dawl arkitettoniku modern u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li ser jikkumplimenta s-sbuħija u l-identità storika tal-pjazza, speċjalment matul il-ħinijiet ta' filgħaxija. Dan l-intervent mhux biss se jtejjeb l-atmosfera tal-post, iżda se jżid ukoll is-sigurtà u l-aċċessibbiltà għall-pubbliku.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal “Huwa l-obbligu tagħna illi f'din il-pjazza issir ir-riġenerazzjoni sħiħa tagħha sabiex nagħtu dehra ferm isbaħ u ferm aħjar lil din il-Pjazza tal-Ħniena ġewwa l-Qrendi. Inħares 'il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda x-xogħol."

Is-Sindku tal-Qrendi David Schembri semma kif dan il-proġett huwa importanti anke mill-aspett ta' turiżmu reliġjuż, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, hekk kif is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena jżuruh ħafna Maltin u turisti.

Preżenti wkoll kien hemm id-Direttur Ġenerali, il-Perit Nadia Gatt Curmi, Martin Formosa f'isem is-Soċjetà Santa Marija tal-Qrendi u Mannie Galea f'isem is-Soċjetà Filarmonika Lourdes Qrendi.

Dan il-proġett jirrappreżenta investiment importanti fil-futur tal-Qrendi, u juri b'mod ċar il-viżjoni li jinħolqu spazji pubbliċi moderni, sostenibbli u ta' kwalità, li jħarsu l-wirt storiku filwaqt li jilqgħu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni li tagħti nifs ġdid lill-Pjazza tal-Ħniena fil-Qrendi
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni li tagħti nifs ġdid lill-Pjazza tal-Ħniena fil-Qrendi
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni li tagħti nifs ġdid lill-Pjazza tal-Ħniena fil-Qrendi
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow