STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi maniġerjali fil-BCA
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippresjeda fuq l-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi maniġerjali fl-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Pass storiku li jkompli jsaħħaħ il-governanza u r-riżorsi umani fi ħdan din l-entità.
Il-Ministru Attard sostna li “għal dan il-Gvern, il-ħaddiema mhumiex sempliċiment riżorsa, iżda huma l-qalb tas-servizz pubbliku, u l-mutur li jmexxi ’l quddiem il-bidla li għandna bżonn fis-settur tal-kostruzzjoni.”
Dan il-ftehim, li jkopri l-gradi tas-Senior Heads, Heads u Senior Managers, jagħti rikonoxximent ċar u konkret lill-irwol kruċjali li dawn il-ħaddiema għandhom fit-tmexxija, fid-deċiżjoni u fl-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tal-Awtorità. B’kollox, il-ftehim jaffettwa 43 pożizzjoni, inklużi dawk li jinsabu fil-proċess tar-reklutaġġ.
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim jsaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern li l-ħaddiema kontinwament ikunu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Il-Gvern jemmen li l-progress soċjali u ekonomiku jibda mid-dinjità tax-xogħol u mir-rikonoxximent ġust tar-responsabbiltà.
“Dan il-ftehim kollettiv huwa pass storiku li mhux biss jirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-maniġment, iżda jsaħħaħ il-pedamenti ta’ Awtorità aktar effiċjenti, trasparenti u ffukata fuq iċ-ċittadin,” stqarr il-Ministru Attard.
Dan il-pass huwa parti minn investiment kontinwu fil-kapital uman tal-Awtorità. Fil-fatt, il-workforce kibret minn 72 ħaddiem fl-aħħar tal-2023 għal 126 ħaddiem illum, żieda ta’ 75%. Fl-istess waqt, il-baġit operattiv żdied minn €5 miljun għal €9 miljun, filwaqt li l-fondi għal skemi u inizjattivi telgħu minn €500,000 għal €4 miljun.
Dawn l-investimenti qed jissarrfu f’servizzi aktar effiċjenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini, kif ukoll f’standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni. Fost l-inizjattivi riċenti hemm inkluż ir-riformi fil-liċenzjar tal-kuntratturi u tal-bennejja, spezzjonijiet konġunti mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, it-tnedija tal-helpline 138, u l-introduzzjoni ta’ servizz bla ħlas ta’ avukati u periti għal terzi affettwati mill-kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard enfasizza li dan il-ftehim huwa frott ta’ negozjati serji u responsabbli mibnija fuq rispett u djalogu kostruttiv bejn il-partijiet kollha involuti, inkluż il-General Workers’ Union, l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-maniġment u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
“Dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-ħaddiema, iżda jikkonsolida wkoll impenn lejn servizz pubbliku aktar modern, effiċjenti u ġust, ibbażat fuq prinċipji ta’ trasparenza, responsabbiltà u rispett reċiproku,” temm jgħid Dr Attard.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici qal li dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ l-inċentivi finanzjarji, iżda jtejjeb ukoll il-bilanċ bejn xogħol u ħajja, ir-rikonoxximent u l-benesseri tal-ħaddiema, filwaqt li jiffoka fuq it-tkabbir personali tagħhom. “Fix-xhur li ġejjin, l-Awtorità se tkompli taħdem biex tiżgura li kull ħaddiem fis-settur ikollu skill card u għaldaqstant dan il-ftehim għandu jservi ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-Awtorità biex jintlaħaq dan il-għan,” qal il-Perit Bonnici.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja qal li dan mhuwiex biss ftehim kollettiv, iżda dikjarazzjoni ċara ta’ impenn mill-GWU u l-Gvern li jemmnu fil-ħaddiema. “Dikjarazzjoni li flimkien lesti nibnu futur aktar b’saħħtu u sostenibbli, fejn l-ekonomija tikber b’responsabbiltà, fejn il-progress jimxi id f’id mad-dinjità, l-kundizzjonijiet u s-sigurtà tal-ħaddiema,” saħaq is-Sur Bugeja.
Fost dawk preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Johan Galea, rappreżentanti mill-General Workers’ Union u kif ukoll ħaddiema tal-BCA.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN