Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Innovazzjoni diġitali għall-anzjani fil-komunità

PR260588
Date Icon 10/04/2026

Is-sena li għaddiet l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità nediet b'suċċess proġett pilota li permezz tiegħu persuni fid-djar residenzjali għall-anzjani bdew jesperjenzaw mill-viċin it-teknoloġija tar-realtà virtwali.

Din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ferm, b'dan il-mezz innovattiv tar-realtà virtwali jkun daqstant ieħor popolari waqt ir-roadshows li qed ittella' l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fil-pjazez tal-lokalitajiet.

Permezz ta' investiment mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, mil-lum din it-teknoloġija issa hija disponibbli wkoll għall-anzjani li jattendu xi wieħed mis-36 Ċentru għall-Anzjanità Attiva biex b'hekk din l-innovazzjoni tilħaq aktar anzjani.

Meta kien qed iżur iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta' Ħal Qormi, minn fejn se tkun qed tibda fażi oħra tal-proġett ta' realtà virtwali għall-anzjani fil-komunità, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, faħħar din l-estensjoni fis-servizzi offruti fil-komunità b'risq anzjanità dejjem aktar varjata u impenjata.

Semma kif dan is-servizz offrut miċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva jsegwi t-tnedija tas-servizz tal-Home Diabetes Management ftit tal-jiem ilu. Fl-istess waqt, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għaddejja bi preparazzjonijiet sabiex jiġi rinnovat iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva ta' Ħad-Dingli u jinfetħu ċentri ġodda f'Ħaż-Żabbar u Ħaż-Żebbuġ.

“Dan huwa xhieda tal-impenn tagħna li t-teknoloġija tagħmel dejjem aktar parti intrinsika mill-mod ta' kif l-anzjani tagħna jkollhom kwalità ta' ħajja dejjem aħjar. Fil-fatt, bħala parti mix-xogħlijiet infrastrutturali estensivi fid-dar residenzjali tal-Imtarfa, qed jiġi mħejji spazju apposta b'teknoloġija avvanzata li se tiffaċilita l-mod kif anzjan jgħix b'mod indipendenti u sigur, filwaqt li toffri aktar serħan il-moħħ u kumdità," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.

Is-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele qal, “Dan l-investiment fit-teknoloġija jkompli jsaħħaħ il-viżjoni ta' servizzi moderni u inklussivi, fejn l-anzjani jingħataw opportunitajiet ġodda biex jibqgħu attivi, indipendenti u konnessi mal-komunità."

Il-Kap Eżekuttiv Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Steve Agius stqarr, “Ir-realtà virtwali qed tiftaħ bibien ġodda għall-anzjani tagħna, billi toffrilhom esperjenzi li jsaħħu kemm il-benesseri mentali kif ukoll dak soċjali. Dan huwa pass importanti lejn servizzi aktar innovattivi u aċċessibbli għal kulħadd."

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Innovazzjoni diġitali għall-anzjani fil-komunità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow