STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Imħabbra t-tieni edizzjoni ta’ Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbru t-tieni edizzjoni ta' Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works, li se tittella' nhar is-Sibt 2 ta' Mejju u l-Ħadd 3 ta' Mejju fiż-Żona tal-Kunċerti f'Ta' Qali.
Din l-attività, maħsuba għall-familja kollha, tkompli tibni fuq il-viżjoni li jiġi ċċelebrat ix-xogħol u s-sengħa tal-ħaddiema tal-Public Works, filwaqt li toffri esperjenza aktar edukattiva u ta' divertiment għal dawk kollha li jattendu.
Fuq jumejn, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jaraw is-snajja' tipiċi Maltin bħax-xogħol fuq l-injam, xogħol tal-ġebel, tqegħid ta' madum u restawr, fost oħrajn, kif ukoll żoni fejn it-tfal jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet kreattivi u edukattivi relatati mas-snajja' u logħob tradizzjonali.
Se jkun hemm ukoll spazji dedikati għal teknoloġija u innovazzjoni, inkluż esperjenzi ta' realtà virtwali relatati ma' proġetti infrastrutturali ewlenin, kif ukoll wirjiet dwar kif ix-xogħol tal-Public Works qed jikkontribwixxi għal ambjent aktar sostenibbli.
Il-programm li d-dħul tiegħu huwa bla ħlas, jinkludi wkoll divertiment għall-familja kollha, fosthom wirjiet mużikali live, logħob differenti għat-tfal ta' kull età, attivitajiet anke għaż-żgħażagħ, kif ukoll għażla wiesgħa ta' ikel u xorb.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal kif, “Fl-akbar spazju miftuħ ġewwa l-pajjiż qegħdin nagħmlu stedina sabiex fit-2 u fit-3 ta' Mejju jingħaqdu magħna għal Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works. Dan l-avveniment ittella' għall-ewwel darba s-sena li għaddiet sabiex nesponu it-talent, is-snajja' u x-xogħlijiet kollha li jagħmel dan id-Dipartiment, liema Dipartiment jagħmel tant xogħol madwar il-pajjiż, filwaqt li jkollna attivitajiet bla ħlas għall-familji kollha."
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi appella lin-nies biex “fit-2 u fit-3 ta' Mejju jingħaqdu magħna ġewwa l-Concert Area għat-tieni edizzjoni ta' Festa Ħaddiem."
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali Ta' Qali Jason Micallef qal kif l-ispazju uniku taż-Żona tal-Kunċerti fit-2 u fit-3 ta' Mejju se jkun qiegħed jilqa' lil bosta familji Maltin u Għawdxin kollha għal festa kbira. Micallef kompla jgħid kif “din iż-żona għandha l-faċilitajiet kollha biex attivitajiet bħal dawn jagħmilhom suċċess, u jagħmilhom fuq kollox esperjenza unika għall-kwalità tal-ħajja rikreattiva flimkien mal-familji tagħkom."
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi u jieħu sehem f'din iċ-ċelebrazzjoni li tgħaqqad tradizzjoni, tagħlim u divertiment f'ambjent wieħed uniku bis-sbuħija li joffri l-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali u ż-Żona tal-Kunċerti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN