Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-BOV dwar qafas ta’ konformità tal-proprjetà sabiex Ċertifikati ta’ Konformità maħruġa mill-Awtorità jiġu rikonoxxuti u użati mill-BOV

PR260564
Date Icon 07/04/2026

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppresjeda fuq il-ftehim ġdid iffirmat bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u Bank of Valletta li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni u jtejjeb l-effiċjenza fil-verifika tal-konformità tal-ippjanar matul il-proċessi ta' due diligence fuq il-proprjetà u l-valutazzjoni tal-kreditu.

Dan il-Memorandum of Understanding jistabbilixxi qafas operattiv ċar li jiggwida kif iċ-Ċertifikati ta' Konformità maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt l-Artikolu 102 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kapitolu 552) se jiġu rikonoxxuti u użati minn Bank of Valletta.

Skont dan il-ftehim, il-BOV jista' jiddependi kompletament fuq iċ-Ċertifikati ta' Konformità maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar li jkunu nħarġu sa tliet xhur qabel, u b'hekk jipprovdi ċarezza lill-klijenti u jnaqqas il-ħtieġa li jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali tal-ippjanar sakemm ma jkunx meħtieġ bil-liġi. Ċertifikat ta' Konformità validu jikkonferma li l-proprjetà hija strutturalment kompluta u konformi mal-permess tal-iżvilupp approvat u mad-disinni, soġġett għal kwalunkwe eżenzjoni jew konċessjoni ddikjarata.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “l-ftehim tal-lum jimmarka pass ieħor importanti fit-tisħiħ tal-ekosistema tal-ippjanar u tal-proprjetà f'Malta. Billi nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Bank of Valletta, qed niżguraw li l-proċessi jsiru aktar ċari, aktar effiċjenti u aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Dan l-MOU jirrifletti l-impenn tagħna biex intejbu l-prattiċi amministrattivi filwaqt li noffru esperjenza aktar sempliċi għal kull min jixtieq jinvesti jew jiżviluppa proprjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija riforma prattika li tibbenefika lill-familji, lill-professjonisti u lill-ekonomija inġenerali."

Sabiex l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas tkun appoġġata bla xkiel, l-Awtorità tal-Ippjanar se tipprovdi lill-BOV bi kjarifiki bil-miktub meta jkun meħtieġ, u tagħti lill-Bank aċċess diġitali sigur biex jara ċ-Ċertifikati ta' Konformità u d-dokumenti relatati online. Din il-miżura telimina l-ħtieġa li l-klijenti jippreżentaw kopji fiżiċi taċ-ċertifikati u tiżgura konsistenza u trasparenza akbar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia nnota li dan il‑ftehim jistabbilixxi qafas ċar ta' kollaborazzjoni bejn il‑Bank of Valletta u l‑Awtorità tal‑Ippjanar. “Permezz ta' dan l-MOU, il‑klijenti tagħna se jibbenefikaw minn proċess ħafna aktar sempliċi u effiċjenti. B'mod simili għal ftehimiet li ffirmajna riċentament ma' istituzzjonijiet oħra, dan l-MOU jifforma parti mill-viżjoni tal‑Bank li jippromwovi mudell ta' kollaborazzjoni fejn il‑partijiet interessati jaħdmu flimkien u mhux b'mod iżolat, u b'hekk fl-aħħar mill‑aħħar jiġi żgurat servizz aktar ċar u effiċjenti għall‑pubbliku," qal is‑Sur Farrugia.

Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-BOV, iffoka fuq id-dimensjoni diġitali f'dan il-ftehim, u spjega li l-Bank se jkollu aċċess biex jara l-Compliance Certificates u dokumenti relatati online fuq portal iddedikat tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa spjega li “din l-inizjattiva hija kompletament allinjata mal-istrateġija diġitali tal-Bank, fejn is-servizzi diġitali huma fil-qalba tal-operat tagħna. Bit-tnaqqis tal-użu tal-karta u simplifikazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, mhux biss qed intejbu l-effiċjenza iżda wkoll qed insaħħu l-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà."

Fl-aħħar nett, Johann Buttigieg, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, żied li “dan l-MOU jirrappreżenta avvanz sinifikanti fil-mod kif l-informazzjoni dwar il-konformità tal-ippjanar tiġi utilizzata. Billi nagħtu aċċess dirett għas-sistemi diġitali tagħna lill-Bank u nistabbilixxu protokolli konsistenti, qed innaqqsu ostakli mhux meħtieġa għall-klijenti filwaqt li niżguraw li l-istandards tal-ippjanar jiġu rispettati. L-għan tagħna huwa li nsaħħu t-trasparenza u l-fiduċja fis-settur, u din il-kollaborazzjoni ma' Bank of Valletta turi l-impenn tagħna fuq titjib prattiku u mmexxi mis-soluzzjonijiet li jaqdi kemm lill-istituzzjonijiet kif ukoll lill-komunità. Inħarsu 'l quddiem sabiex naraw banek oħra jimxu fuq dan l-eżempju u jadottaw oqfsa ta' kollaborazzjoni simili, ħalli hekk jkun jista' jiġi żgurat proċess aktar koerenti u effiċjenti fis-settur finanzjarju kollu."

Il-ftehim iffirmat illum ma jemendax l-ebda obbligu statutorju ta' kwalunkwe parti, iżda jintroduċi struttura prattika għall-benefiċċju tal-klijenti, tal-professjonisti u tas-settur tal-proprjetà b'mod ġenerali.

Dan il-ftehim jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u s-settur finanzjarju biex jiġi żgurat proċess tal-proprjetà bla xkiel u aktar affidabbli. L-Awtorità tal-Ippjanar u Bank of Valletta jħarsu 'l quddiem biex jimplimentaw dan il-ftehim u jsaħħu l-għan komuni tagħhom li jtejbu l-kwalità tas-servizz għall-klijenti u għall-professjonisti fis-settur kollu.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-BOV dwar qafas ta’ konformità tal-proprjetà sabiex Ċertifikati ta’ Konformità maħruġa mill-Awtorità jiġu rikonoxxuti u użati mill-BOV
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-BOV dwar qafas ta’ konformità tal-proprjetà sabiex Ċertifikati ta’ Konformità maħruġa mill-Awtorità jiġu rikonoxxuti u użati mill-BOV
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-BOV dwar qafas ta’ konformità tal-proprjetà sabiex Ċertifikati ta’ Konformità maħruġa mill-Awtorità jiġu rikonoxxuti u użati mill-BOV
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow