STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Investiment ta’ madwar €1.5 miljun biex jissaħħu t-trattamenti għall-epilessija
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar kif 'il fuq minn 4,000 persuna ser jibbenefikaw minn investiment ta' €1.5 miljun f'mediċini b'xejn tal-epilessija.
Ġie spjegat kif l-epilessija reżistenti għall-mediċini hija kundizzjoni fejn l-attakki epilettiċi jippersistu minkejja trattament adegwat b'terapiji mediċinali. Din is-sitwazzjoni spiss twassal għal attakki frekwenti u imprevedibbli, b'impatt sinifikanti fuq il-funzjonament ta' kuljum, fl-edukazzjoni, fl-impjieg u fil-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tal-familji tagħhom. Il-kundizzjoni hija assoċjata wkoll ma' riskju akbar ta' korrimenti, rikoveri fl-isptar u kumplikazzjonijiet fit-tul.
Dawn il-mediċini se jkunu disponibbli kemm f'forma ta' pilloli kif ukoll ta' misturi.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif b'dan l-investiment il-Gvern qed jagħmel impenn finanzjarju qawwi u konkret, sabiex ikompli jsaħħaħ l-aċċess għal trattamenti moderni u effettivi għall-pazjenti li għandhom l-epilessija. “Dan il-pass jirrifletti d-determinazzjoni tal-Gvern li jkompli jinvesti b'mod li jagħti valur dirett lill-familji Maltin u Għawdxin, b'servizzi tas-saħħa aktar b'saħħithom u viċin il-bżonnijiet tan-nies", sostna Dr Abela.
Il-Ministru Abela qal kif b'dan l-investiment, il-Formularju tal-Gvern se jiżdied b'madwar 15-il mediċina ġdida għall-kura tal-epilessija. L-aċċess għal dawn il-mediċini huwa mistenni li jtejjeb il-kontroll tal-attakki, inaqqas pressjoni fuq is-servizzi akuti, u jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja.
“L-introduzzjoni ta' dawn il-mediċini huwa pass ieħor biex ikun hemm aċċess aktar ġust għall-kura u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti bl-epilessija u tal-familji tagħhom. B'din l-espansjoni fil-Formularju tal-Gvern, il-messaġġ huwa wieħed ċar. Trattament essenzjali m'għandux jibqa' jiddependi fuq eċċezzjoni, iżda għandu jkun parti integrali mill-istandards tas-sistema tas-saħħa", temm jgħid Dr Abela.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN