STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) tiffirma l-Malta Diversity & Inclusion Charter
L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) uffiċjalment saret firmatarja tal-Malta Diversity & Inclusion Charter, pass importanti li jkompli jsaħħaħ l-impenn tagħha favur l-ugwaljanza, id-diversità u ambjenti tax-xogħol inklużivi.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, laqa’ dan l-iżvilupp u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-impenn mill-EUPA, filwaqt li sostna li dan il-pass jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-Gvern biex jippromwovi aktar ugwaljanza, rispett u inklużjoni kemm fis-servizz pubbliku kif ukoll fl-inizjattivi ffinanzjati mill-fondi Ewropej.
Il-Malta Diversity & Inclusion Charter, ikkoordinata mill-CORE Platform, tipprovdi qafas nazzjonali li jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet biex jippromwovu opportunitajiet ugwali, isaħħu prattiki inklużivi u jintegraw il-prinċipji tad-diversità u l-inklużjoni fil-kultura u l-operat tagħhom. Billi saret firmatarja, l-EUPA qed timpenja ruħha formalment li tħaddan dawn il-valuri u tikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol ġust, rispettabbli u inklużiv.
Bħala l-Aġenzija Nazzjonali għall-programmi Erasmus+ u l-European Solidarity Corps, l-EUPA tippromwovi b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità bħala prijoritajiet ewlenin ta’ dawn il-programmi Ewropej. Permezz tal-ħidma tagħha, l-Aġenzija tappoġġja inizjattivi li jsaħħu aċċess ugwali, parteċipazzjoni u opportunitajiet għal kulħadd, b’mod partikolari għal dawk li jiffaċċjaw sfidi soċjali, ekonomiċi jew oħrajn.
Waqt żjara għand l-Aġenzija EUPA fil-Ħamrun, il-Ministru kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-ħaddiema u jiddiskuti magħhom l-ħidma li qed jwettqu u kif il-prinċipji tal-inklużjoni u diversità qed jiġu integrati fil-programmi u l-proġetti li jmexxu.
Dan l-impenn ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-EUPA fil-promozzjoni ta’ valuri inklużivi, mhux biss internament iżda wkoll permezz tal-programmi li timmaniġġja, billi tinkoraġġixxi lill-benefiċjarji biex jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti li jħaddnu d-diversità, l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni soċjali.
Il-EUPA tirringrazzja lill-CORE Platform u lill-Malta Diversity & Inclusion Charter għall-ħidma kontinwa tagħhom biex jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni f’Malta, inizjattivi li huma essenzjali biex dawn il-prinċipji jitwasslu f’azzjonijiet konkreti u sostenibbli fis-soċjetà kollha.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Malta Diversity & Inclusion Charter, wieħed jista’ jżur www.core.org.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN