STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Koeżjoni u r-Riformi Raphael Fitto jesprimi l-importanza li tiġi indirizzata l-insularità doppja ta’ gżejjer bħal Għawdex waqt żjara li għamel fiċ-Ċittadella
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, laqgħu lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Koeżjoni u r-Riformi Raphael Fitto waqt żjara li għamel fiċ-Ċittadella, ir-Rabat, Għawdex.
F'laqgħa li saret, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “mhux biss iddiskutejna l-proġetti li saru, proġetti li qed isiru bl-istess Fondi Ewropej iżda wkoll, iddiskutejna l-importanza tal-istrateġija Ewropea li tiddedika u tirrikonoxxi l-insularità doppja. Xi ħaġa li ilna nitkellmu dwarha u din ukoll qiegħda fil-pipeline tal-istess Kummissjoni Ewropea biex inkunu nistgħu nindirizzaw żoni, gżejjer, bħalma hu Għawdex, sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-fondi aħjar. Aktar minn hekk, ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw b’mod aktar faċli bħalma jibbenefikaw pajjiżi Ewropej li huma parti ċentrali mill-kontinent Ewropew.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li “żjarat bħal dawn ikomplu juru l-ħtieġa li nwieġbu għall-isfidi speċifiċi, bħal dik tal-insularità doppja, u li dawn jingħataw l-attenzjoni meħtieġa fil-politika ta’ koeżjoni. Għawdex huwa eżempju ċar ta’ kif il-Fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex jindirizzaw realtajiet ġeografiċi uniċi ta’ din il-gżira, u għalhekk huwa essenzjali li nkomplu naħdmu flimkien sabiex niżguraw aċċess aktar ġust u effettiv għal dawn il-fondi fil-programmi futuri.”
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Raphael Fitto rringrazzja lill-Ministri għall-koperazzjoni tagħhom u qal li din iż-żjara kienet okkażjoni importanti sabiex tintwera l-importanza tal-gżejjer. Kompla jgħid li “din iż-żjara f’Għawdex kienet partikolarment mument importanti għaliex qed naħdmu sabiex fil-ġimgħat li ġejjin nippreżentaw l-istrateġija għall-gżejjer u Għawdex jagħtina l-opportunità wkoll li niffukaw fuq l-insularità doppja li hija issue importanti. Naħseb li huwa wkoll importanti sabiex ikun hemm commitment għall-programmi futuri u li nkomplu b’din il-koperazzjoni fuq aspetti differenti. Qed nuru wkoll li huwa possibbli naddattaw il-politika ta’ koeżjoni dwar ngħidu aħna l-ilma, l-akkomodazzjoni u l-enerġija u, l-Gvern qed juri li għandu l-kapaċità li jimxi ma’ dan l-approċċ. Jien kuntent li nkompli miexi f’din id-direzzjoni.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar Mario Borg ta preżentazzjoni fejn spjega l-interventi li qed jiġu implimentati bl-użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea mmirati għal żvilupp urban sostenibbli għal Għawdex. Is-Sur Borg spjega kif dawn l-interventi huma mmirati biex itejbu l-infrastruttura tal-gżira Għawdxija sabiex jirriflettu l-iżvilupp soċjoekonomiku li seħħ f’dawn l-aħħar snin f’Għawdex kif ukoll jiġi assigurat li tali titjib fil-ħajja tal-Għawdxin jibqa’ sostnut fis-snin li ġejjin. Matul il-preżentazzjoni, saret referenza wkoll għar-riabilitazzjoni taċ-Ċittadella, li hija kkunsidrata bħala eżempju fl-użu ta’ Fondi Ewropej.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN