Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta se tesplora l-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli mill-Afrika ta’ Fuq

PR260513
Date Icon 27/03/2026

Ġiet ippubblikata sejħa, magħrufa bħala Pre Market Consultation, bil-għan li tibda tkun esplorata l-possibbiltà u l-vijabilità ta' proġetti ta' produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli fl-Afrika ta' Fuq u l-possibilità li din tintuża bħala parti mill-mix fil-provvista tal-enerġija f'Malta.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, meta kienet qed titkellem waqt il-konferenza bit-tema 'Reaffirming Business Commitment to The Green Transition' organizzata mill-Climate Action Authority.

Il-Ministru Dalli saħqet li fil-klima internazzjonali ta' bħalissa qed joħroġ dejjem iktar b'mod ċar kemm kien kruċjali li l-Gvern ikun iffokat bi pjan ċar fis-settur tal-enerġija. Il-Ministru Dalli tenniet li l-Gvern se jibqa' joffri l-istabbiltà meħtieġa fil-prezzijiet, fl-istess ħin li se jibqa' jesplora dawk il-proġetti li jistgħu jkomplu jlestu lil Malta għall-futur kif maħsub ukoll fil-Viżjoni Malta 2050.

Kien f'dan il-kuntest li l-Ministru Dalli spjegat il-proġetti diversi li għaddejjin fis-settur tal-enerġija, u hawn ħabret ukoll Pre Market Consultation li ġiet ippubblikata minn Interconnect Malta, biex permezz tagħha jkun esplorat x'potenzjal jeżisti biex enerġija rinovabbli mill-Afrika ta' Fuq tasal sad-djar f'Malta. “Din il-PMC għandha l-għan li tiġbor informazzjoni teknika, inkluż spejjeż indikattivi. L-operaturi ekonomiċi se jkunu mistiedna jipproponu l-proġetti tagħhom," qalet il-Ministru Dalli li fissret kif f'dan il-mument il-pajjiż se jkun qed jesplora l-possibilitajiet li jeżistu. “Qed nevalwaw il-fattibbiltà, nesploraw l-għażliet, biex imbagħad insegwu b'deċiżjonijiet li jkunu bbażati fuq l-evidenza," qalet il-Ministru Dalli li spjegat kif is-sejħa titlob diversi kunsiderazzjonijiet fosthom dawk li joffru taħlita bbilanċjata ta' riżorsi kemm mix-xemx u kemm mir-riħ.

Il-Ministru Dalli spjegat ukoll kif ix-xogħol fuq it-tieni interconnector jinsab miexi b'ritmu tajjeb ferm, kif ukoll għaddej il-proċess tal-proġett ta' ġenerazzjoni ta' elettriku mir-riħ barra mill-ibħra territorjali Maltin. Spjegat kif dawn il-proġetti juru viżjoni ċara bi proġetti li  se jibdew jaħdmu fix-xhur li ġejjin, għal dawk li huma maħsuba u li qed jiġu mħejjija biex il-frott tagħhom jinqata' fi żmien li ġej.

Saħqet li l-ambizzjonijiet tal-Gvern Malti għall-innovazzjoni għandhom jibagħtu wkoll sinjal lill-komunità tal-investiment u n-negozju, li l-istabbiltà li qed joffri l-Gvern Malti għandha tkun impetus b'saħħtu għat-tranżizzjoni ambjentali u l-mixja lejn is-sostenibbiltà għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Sostniet kif dawk li jħaddnu l-bidla huma dawk li se jmorru l-aħjar, għax ikollhom vantaġġi ta' kompetittività u ta' kwalità. Fil-fatt, diġà hawn diversi kumpaniji Maltin li huma xhieda ta' dan. Kien għalhekk li saħqet ukoll li l-konferenza organizzata mill-Climate Action Authority kienet f'waqtha.

Il-Kap Eżekuttiv Inġ. Ismail D'Amato ta' Interconnect Malta  qal, “Interconnect Malta qed tistieden uffiċjalment lill-parteċipanti biex jieħdu sehem f'din il-PMC sabiex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta' 0.8 TWh ta' enerġija rinnovabbli kull sena, li tkopri madwar 25% tad-domanda tal-elettriku ta' Malta għall-2025. L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li tiġi esplorata l-fattibbiltà ta' provvista ta' enerġija rinnovabbli 'baseload' li tnaqqas l-intermittenza tar-rinnovabbli tradizzjonali, filwaqt li jintuża qafas ta' Contract for Difference bi prezz fiss għal 25 sena, immirat biex jipprovdi stabbiltà fil-prezz fit-tul u protezzjoni għall-familji u n-negozji Maltin kontra l-volatilità tas-swieq globali tal-fjuwils fossili."

L-impenn lejn it-tranżizzjoni ħadra kien rifless ukoll fil-parteċipazzjoni qawwija fil-konferenza tal-Climate Action Authority li ġabet flimkien kapijiet eżekuttivi, uffiċjali għolja ta' kumpaniji, investituri, akkademiċi u anke rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

L-Inġ Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, saħqet li l-irwol tal-awtorità imur lil hinn mir-rwol ta' regolatur. “Qegħdin hawn biex nippromwovu l-bidla. Qegħdin hawn biex nassistu u nigwidaw, għaliex it-tranżizzjoni hija xi ħaġa li rridu nagħmlu flimkien. Filwaqt li nifhem perfettament l-isfidi li jeżistu bħalissa, it-tibdil fil-klima ma' waqafx jistenna li nsolvu dawn il-kunflitti u għalhekk l-effetti kbar se jinħassu xorta. Huwa għalhekk li qegħdin hawn intennu l-impenn li nagħmlu din il-bidla flimkien," qalet il-Kap Eżekuttiv Cutajar li elenkat numru sostanzjali ta' inizjattivi li l-Climate Action Authority għaddejja bihom biex iġġib differenza konkreta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta se tesplora l-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli mill-Afrika ta’ Fuq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta se tesplora l-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli mill-Afrika ta’ Fuq
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow