Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Il-Viċi President Eżekuttiv tal-UE Raffaele Fitto jżur ix-xogħlijiet IC2 iffinanzjati mill-UE

pr260505
Date Icon 26/03/2026

Tlestew 50% tax-xogħlijiet tat-trinek fl-Italja 

Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Koeżjoni u r-Riformi, Raffaele Fitto, żar ix-xogħlijiet tat-tieni interconnector li huma ffinanzjati mill-UE waqt żjara uffiċjali fil-Magħtab flimkien mal-Ministru Miriam Dalli, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, u l-Kap Eżekuttiv tal-ICM, Inġ. Ismail D’Amato.

Il-Viċi President Eżekuttiv Fitto ra l-progress tal-proġett u ddiskuta kif il-finanzjament mill-UE qed ikompli jappoġġja l objettivi infrastrutturali u ta’ reżiljenza ta’ Malta.

Matul iż żjara, id delegazzjoni ngħatat spjegazzjoni dettaljata fuq il-progress sostanzjali li nkiseb kemm lokalment kif ukoll fl-Italja. Fi Sqallija, minn rotta ta’ 20.7km, nofs ix-xogħlijiet tat-trinek issa tlestew. Dan  jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem għal din il-konnessjoni infrastrutturali essenzjali biex tissaħħaħ is sigurtà tal provvista tal-enerġija nazzjonali.

Fl-istess ħin, qed isir progress fuq l-elementi l-oħra tal-proġett. Barra minn hekk, f’Malta tlesta 66% tax-xogħlijiet tat trinek, bi proċessi riċenti fil-Magħtab li kienu jinkludu l-installazzjoni tat-terminazzjonijiet fit-terminal station, il-Magħtab. 

Tul id-diskussjonijiet fuq il-post, il-Viċi President Eżekuttiv tal-UE u l-ministri Maltin tennew l-importanza strateġika ta’ dan l-investiment, kemm għall infrastruttura tal enerġija ta’ Malta kif ukoll għall-għanijiet usa’ tal koeżjoni Ewropea.

“It-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa proġett ewlieni u l-akbar investiment fil-politika ta’ koeżjoni ffinanzjat mill-UE f’Malta sal-lum. Il-proġett se jkun appoġġjat aktar permezz tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni, u se jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jappoġġja użu akbar ta’ enerġija rinnovabbli u aktar elettrifikazzjoni,” qal il-Viċi President Eżekuttiv Fitto. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, ikkonfermat id-direzzjoni tal-Gvern billi qalet, “l-implimentazzjoni kontinwa tal-istrateġija tal-enerġija ta’ Malta qed tkompli tavvanza permezz ta’ sensiela ta’ proġetti ta’ impatt għoli. Qed jiġu indirizzati investimenti sinifikanti biex jissaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni, jissaħħaħ it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli, tespandi l-kapaċità tal-ħażna permezz tal-batteriji u jitħaffef l-iżvilupp tat-tieni interconnector. Dawn l-isforzi flimkien huma mfassla biex isaħħu s-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jippermettu taħlita ta’ enerġija aktar diversifikata u sostenibbli,” saħqet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “IC2 għandu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn sistema ta’ enerġija aktar nadifa u aktar reżiljenti. Dan l-investiment infrastrutturali kbir ta’ €300 miljun li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), li jenfasizza impenn konġunt biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà enerġetika ta’ Malta u r-reżiljenza ġenerali tagħha fil-qafas usa’ tal-enerġija Ewropea.”

It-Tieni Interconnector huwa element fundamentali tal-istrateġija tal-enerġija tal-Gvern, iddisinjat biex jirdoppja l-kapaċità tal-interkonnessjoni ta’ Malta u jsaħħaħ b’mod sostanzjali s-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista tal-elettriku tal-pajjiż. 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Il-Viċi President Eżekuttiv tal-UE Raffaele Fitto jżur ix-xogħlijiet IC2 iffinanzjati mill-UE
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Il-Viċi President Eżekuttiv tal-UE Raffaele Fitto jżur ix-xogħlijiet IC2 iffinanzjati mill-UE
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Il-Viċi President Eżekuttiv tal-UE Raffaele Fitto jżur ix-xogħlijiet IC2 iffinanzjati mill-UE
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow