STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Pjattaforma li se tiġbor is-servizzi kollha tal-Kunsilli Lokali flimkien
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli ħabbret li nħarġet sejħa sabiex tiġi żviluppata pjattaforma diġitali li se tkun qed issaħħaħ il-mod ta' kif il-Kunsilli Lokali joperaw. Dan il-proġett jaspira li jpoġġi liċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali u jallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, b'mod speċifiku l-miżura makro 49, fejn is-servizzi kollha li jistgħu jingħataw b'mod diġitali jkunu disponibbli online. Dan filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali hija wkoll waħda mill-ħames għodod ewlenin għat-twettiq tal-Viżjoni nnifisha.
L-investiment għal dan il-proġett mistenni jkun ta' madwar €800,000 u se jwassal biex il-pubbliku jkun jista' jinqeda online għas-servizzi kollha li joffru l-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex. B'din il-pjattaforma se tiżdied il-komunikazzjoni mar-residenti filwaqt li jiġu ssimplifikati l-proċessi fl-operat amministrattiv tal-kunsilli.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet tispjega li l-informazzjoni li tinġabar minn din is-sistema ser tipprovdi mezz ta' komunikazzjoni aktar effiċjenti bejn ir-resident u l-kunsill. Maż-żmien, din toħloq rekord aktar dettaljat tal-ħtiġijiet u x-xewqat tan-nies, filwaqt li tagħti lill-kunsilli lokali għarfien aħjar tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-residenti.
“Din il-pjattaforma se tkun qed tiġbor fiha kull servizz possibbli flimkien ma' informazzjoni dwar il-lokalitajiet li l-pubbliku jkun jista' jaċċessa minn kompjuter jew inkella minn fuq il-mobile. F'dan il-pass li jmiss se nkunu qed nikkonsolidaw is-servizzi kollha tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex f'forma diġitali bl-inklużjoni ta' APP li l-utenti tagħha jkunu jistgħu jużaw minn fuq il-mobile. Fiha se jiġu nklużi wkoll servizzi li llum jingħataw b'mod manwali biss u oħrajn ġodda li l-pubbliku jkun jista' jaċċessa għall-ewwel darba, fosthom, il-faċilità ta' chatbot," spjegat is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli temmet tgħid li minkejja li s-servizzi se jkunu online, xorta waħda se jibqgħu disponibbli wkoll mill-uffiċini tal-Kunsill Lokali, iżda din il-pjattaforma se tkun qed tnaqqas l-iskariġġ għal minn jiddeċiedi li juża dawn is-servizzi b'mod online.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo qal li bħala appoġġ lill-Kunsill Lokali, id-Diviżjoni se tkun qed tiffinanzja dan il-proġett li se jkun jikkonsisti fi pjattaforma komuni għall-Kunsilli Lokali kollha. Permezz ta' din is-sistema ċ-ċittadin ser ikun jista' jaċċessa kull servizz mogħti minn din il-pjattaforma bl-istess mod irrispettivament fejn ikun qed jgħix.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN