STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR: Tinfetaħ għar-Reġjun Għawdex l-iskema nazzjonali “Irrestawra Darek u l-Villaġġ” b’allokazzjoni totali ta’ €2 miljun
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li fetħet l-iskema nazzjonali “Irrestawra Darek u l-Villaġġ" għar-Reġjun Għawdex b'allokazzjoni totali ta' €2 miljun iddedikati biex jappoġġjaw ir-restawr, il-konservazzjoni u l-manutenzjoni ta' proprjetajiet madwar il-gżira Għawdxija. L-iskema hija miftuħa għas-sidien ta' residenzi privati, NGOs u negozji li jinsabu fi ħdan iż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana (UCAs) tal-lokalitajiet kollha fir-Reġjun Għawdex.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li din l-iskema hija pass importanti biex inkomplu nsebbħu l-karatteristiċi arkitettoniċi li għandna madwar Għawdex. Huwa spjega li, “Dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern biex nipproteġu u nippreservaw il-karattru uniku tal-irħula u l-bliet Għawdxin, filwaqt li nħeġġu lis-sidien tal-proprjetà jieħdu ħsieb u jirrestawraw il-binjiet tagħhom. L-iskema se tkompli tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli u sens ta' identità aktar b'saħħtu f'Għawdex. Din hija opportunità oħra wkoll sabiex nibqgħu nippreparaw fid-dawl tal-bid li għandu Għawdex għal Victoria 2031, għall-Belt Kulturali Ewropea. L-allokazzjoni għar-Reġjun Għawdex tkompli tibni wkoll fuq il-Built Heritage Restoration Scheme li konna nedejna s-sena li għaddiet."
Il-Ministru Camilleri fakkar li r-reġjun Punent u r-Reġjun Nofsinhar laħqu l-limitu massimu tagħhom fi ftit jiem mill-ftuħ u qal li dan il-livell qawwi ta' domanda juri kemm il-komunitajiet japprezzaw iż-żamma tal-wirt mibni tagħhom.
Min-naħa tiegħu ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg ta rendikont tas-sottomissjonijiet fir-Reġjuni Punent u Nofsinhar. Huwa qal li “kellna 'l fuq minn 424 sottomissjoni għar-Reġjun Punent li minnhom 408 ikkwalifikaw għall-iskema, b'allokazzjoni ta' 'l fuq minn €6.8 miljun. Għar-Reġjun Nofsinhar kellna 'l fuq minn 370 sottomissjoni li 355 jikkwalifikaw għall-iskema b'allokazzjoni ta' 'l fuq minn €5.6 miljun. Imbagħad konna ħriġna skema addizzjonali għal dawk il-proprjetajiet fi Grad 1 u 2 'il barra mill-UCA fejn konna allokajna €2 miljun. Applikaw 'il fuq minn 99 persuna imma attwalment ikkwalifikaw 14-il persuna li kkwalifikaw għal aktar minn €1 miljun. Għalhekk, ħassejna li jkun opportun li wara li ngħalqet l-iskema l-flus li ma ntefqux, jiġifieri nofs miljun (€500,000) għandhom jiġu allokati għaż-żona ta' Għawdex. Dan sabiex illum qed inħabbru total ta' €2 miljun għar-Reġjun Għawdex."
L-allokazzjoni għal kull reġjun hija bbażata b'mod ġenerali fuq in-numru ta' djar li jinsabu f'UCA ta' dik il-lokalità jew reġjun, sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata u proporzjonata tal-fondi. Din l-iskema qed tinfetaħ reġjun, reġjun, sabiex tkun żgurata sistema ġusta u trasparenti fejn kulħadd ikollu opportunità ugwali biex japplika.
L-applikanti eliġibbli jistgħu jibbenefikaw mil-limiti massimi ta' għotjiet:
•Sa €15,000 għal xogħlijiet ta' restawr fuq il-proprjetajiet kollha li jinsabu f'Żoni ta' Konservazzjoni Urbana (UCAs);
•Sa €100,000 għar-restawr ta' bini skedat grad 1 li jinsab f'UCA;
• Sa €50,000 għal bini skedat grad 2 li jinsab f'UCA.
L-applikazzjonijiet għar-Reġjun Għawdex se jiftħu llum 25 ta' Marzu 2026 u jibqgħu miftuħin sal-1 ta' April 2026. Skont il-proċedura stabbilita tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-applikazzjonijiet se jiġu evalwati strettament skont l-ordni li fih jaslu, biex jiġi żgurat proċess ġust u trasparenti.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online mis-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar jew personalment.
Ritratt (MGP)
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN