Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Tnedija ta’ servizz ġdid mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità: Il-Home Diabetes Management

pr260478
Date Icon 24/03/2026

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea nieda servizz ġdid tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-Home Diabetes Management.

Dan is-servizz huwa mmirat għall-anzjani bid-Diabetes Mellitus li jgħixu fid-djar tagħhom u ħafna drabi jkunu ristretti fil-mobilità. Ġie spjegat li l-prevalenza tad-Diabetes Mellitus fil-gżejjer Maltin tlaħħaq madwar 10%.

Jirriżulta li, mill-416-il anzjan li użaw is-servizz tal-amministrazzjoni tal-insulina provdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tul l-aħħar sena, aktar minn 43% ma attendewx għall-appuntamenti meħtieġa, filwaqt li madwar 20% ma kellhom l-ebda reġistrazzjoni medika kif suppost. Għaldaqstant l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tniedi dan is-servizz ġdid ħalli tilħaq l-anzjani li jgħixu bid-Diabetes Mellitus, iżda li, għal xi raġuni, ma jsegwux il-proċess stabbilit ta' kura u monitoraġġ.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea enfasizza kemm dan is-servizz ser iservi ta' tarka kruċjali għal dawn il-pazjenti bid-Diabetes Mellitus, hekk kif il-monitoraġġ, l-għarfien u s-sapport tant utli li ser jingħataw b'mod personalizzat proprju fid-dar tagħhom. Huwa saħaq li servizz bħal dan, hekk immirat u ffukat, ser jikkontribwixxi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' dawn l-anzjani u, konsegwentement, inaqqas il-ħtieġa li jirrikorru għal kura u trattamenti mediċi aktar serji u fit-tul.

“Il-mira aħħarija hija li meta l-professjonisti tagħna janalizzaw l-effett ta' dan is-servizz fuq medda ta' xhur, jirriżulta li l-anzjani li bbenefikaw minnu esperjenzaw kwalità ta' ħajja aħjar kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, bit-tama wkoll li, grazzi għal dan, jirnexxilhom jiksbu aktar indipendenza u serħan il-moħħ," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Dr Renzo De Gabriele, sostna li t-tnedija tas-servizz Home Diabetes Management tirrappreżenta pass importanti lejn kura aktar integrata u personalizzata fil-komunità. Huwa enfasizza li d-diabetes tibqa' sfida serja għas-saħħa pubblika f'Malta, b'impatt kemm fuq il-benesseri fiżiku kif ukoll psikoloġiku tal-individwi, u li għalhekk hemm bżonn ta' servizzi aktar immirati lejn dawk l-anzjani li ma jkunux qed isegwu l-kura meħtieġa. Huwa spjega li dan is-servizz ġdid jindirizza nuqqasijiet fil-monitoraġġ u s-segwitu, b'mod partikolari għal dawk b'mobilità limitata, billi joffri kura u sapport direttament fid-djar tagħhom. Dr De Gabriele żied li inizjattivi bħal dawn mhux biss itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, iżda jgħinu wkoll biex jitnaqqas ir-riskju ta' kumplikazzjonijiet u l-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Steve Agius, tenna illi din l-inizjattiva hija parti minn viżjoni usa' li tħares lejn il-bini ta' ekosistema integrata ta' servizzi li jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw lill-anzjani fil-komunità. Huwa enfasizza li dan l-approċċ huwa wieħed proattiv u preventiv, fejn l-interventi jsiru kmieni biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet u dipendenza akbar fuq kura istituzzjonali. Dr Agius spjega li, permezz ta' dan il-mudell, is-servizzi se jkunu aktar koordinati, b'aktar enfasi fuq monitoraġġ kontinwu, interventi personalizzati u l-użu ta' dejta biex jiġu identifikati riskji qabel ma jimmaterjalizzaw ruħhom. Dan se jippermetti li aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom b'dinjita, indipendenza u sens akbar ta' sigurtà. “L-għan ewlieni huwa li jinħoloq mudell sostenibbli ta' kura li jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru, jsaħħaħ il-prevenzjoni u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-familji tagħhom," sostna Dr Agius.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Tnedija ta’ servizz ġdid mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità: Il-Home Diabetes Management
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow