STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Ekonomija b’saħħitha trid tissarraf ukoll f’kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu – Speaker tal-Kamra tad-Deputati
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia sostna li ekonomija b’saħħitha tibqa’ pedament essenzjali għall-progress ta’ pajjiż, iżda saħaq li dan il-progress irid jitqies ukoll minn kemm qed jitjieb il-livell tal-ħajja tan-nies. Huwa qal li t-tkabbir ekonomiku għandu jissarraf f’aktar sigurtà, aktar opportunitajiet, aktar dinjità u aktar fiduċja fil-futur għall-poplu kollu.
Waqt attività marbuta mal-Wellbeing INDEX, l-Ispeaker enfasizza li l-progress ta’ soċjetà ma jistax jitkejjel biss permezz ta’ produttività u ċifri finanzjarji, iżda wkoll mill-mod kif in-nies qed jesperjenzaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huwa sostna li l-benesseri ta’ nazzjon għandu jirrifletti s-saħħa tal-komunitajiet, il-ġustizzja tal-istituzzjonijiet u l-kwalità reali tal-ħajja taċ-ċittadini.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrimarka wkoll li l-analiżi ppreżentata hija msejsa fuq dejta konkreta u affidabbli. Huwa fakkar li, permezz tal-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kull sena madwar 10,000 persuna jiġu kkuntattjati u mistħarrġa sabiex tingħata stampa usa’ u aktar preċiża tal-benesseri f’Malta. Hu kompla billi qal li dan jgħin biex nifhmu aħjar ir-realtajiet soċjali tal-lum u biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-politika tiegħu b’għarfien aktar ċar tal-ħtiġijiet tan-nies. L-Ispeaker tenna li inizjattivi bħal dawn huma importanti għax iwessgħu d-diskussjoni nazzjonali dwar il-progress u jqiegħdu lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha. Saħaq li l-iżvilupp ta’ pajjiż modern għandu jitkejjel mhux biss minn kemm jikber ekonomikament, iżda wkoll minn kemm dan it-tkabbir ikun qed jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji u tal-komunitajiet.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, Silvio Schembri, Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Jerome Caruana Cilia, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u l-Intrapriża, is-Sur Matthew Zerafa, Direttur fl-Uffiċċju tal-Istatistika, u l-Professur Valerie Sollars, Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta.
Matul is-sessjoni ġew ippreżentati wkoll aġġornamenti dwar il-Wellbeing INDEX, inkluża l-prestazzjoni ta’ Malta fuq kejl globali tal-benesseri u l-aħħar dejta dwar indikaturi suġġettivi tal-benesseri f’Malta, f’preżentazzjonijiet mill-Professur Marie Briguglio u s-Sinjura Natalia Mangion.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN