Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Mużew Il-Ħaġar fir-Rabat, Għawdex jissaħħaħ bħala ċentru modern u spazju għall-konferenzi u avvenimenti permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme

pr260470
Date Icon 23/03/2026

Dan ifisser aktar opportunitajiet ekonomiċi, aktar viżitaturi ta' kwalità u aktar attività matul is-sena kollha

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura r-rinnovar tal-Mużew u Ċentru Kulturali Il-Ħaġar “Heart of Gozo" li permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme ssaħħaħ bħala spazju modern, sigur u teknoloġikament avvanzat, li kapaċi joffri esperjenza ta' kwalità għolja u professjonali lil kull min juża dan il-post.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Dan l-investiment huwa eżempju ċar ta' kif permezz ta' ħidma bejn il-Ministeru u organizzazzjonijiet lokali nistgħu nwettqu proġetti konkreti li jagħtu valur miżjud lil Għawdex. Qed inkomplu nibnu infrastruttura ta' kwalità li mhux biss issaħħaħ il-qasam kulturali, iżda tiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda fis-settur tal-MICE. Għawdex għandu potenzjal enormi, u aħna determinati li nkomplu ninvestu biex dan il-potenzjal jinbidel f'realtà, gżira li toffri esperjenzi ta' livell għoli, sostenibbli u mifruxa matul is-sena kollha." Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-investiment li sar mhux biss qed isaħħaħ il-Mużew Il-Ħaġar bħala ċentru kulturali, iżda jpoġġih ukoll bħala spazju ideali għal attivitajiet fil-qasam tal-laqgħat, konferenzi, inċentivi u esibizzjonijiet (MICE), li jfisser aktar opportunitajiet ekonomiċi, aktar viżitaturi ta' kwalità u aktar attività matul is-sena kollha.

Huwa spjega li dan l-ispazju issa ħa dimensjoni ġdida. Sar titjib sostanzjali fl-infrastruttura tal-mużew, inkluż fis-sistemi tal-arja kondizzjonata u fil-lift, li issa joffri wkoll kontroll aħjar tal-aċċess għal aktar sigurtà. Dan joħloq ambjent aktar komdu, sigur u funzjonali għall-viżitaturi u l-utenti kollha. Ġie installat ukoll tagħmir awdjoviżiv u teknoloġiku modern, inklużi sistemi ta' streaming, projector u sistema ta' awdjo professjonali, li jippermettu li avvenimenti jiġu segwiti kemm minn dawk preżenti kif ukoll minn udjenzi internazzjonali b'mod remot. Barra minn hekk, sar investiment f'għamara u apparat adattat għal konferenzi u attivitajiet, sabiex il-post ikun jista' joffri setup professjonali u flessibbli. Fl-istess waqt, issaħħet is-sigurtà tal-binja permezz ta' sistema ta' alarm li tkopri l-livelli kollha, biex jiġu protetti kemm il-viżitaturi kif ukoll il-wirt prezzjuż li jinsab fih.

Il-mużew Il-Ħaġar, immexxi mill-Fondazzjoni Belt Victoria, huwa ħafna aktar minn spazju esebittiv. Huwa ċentru ħaj li jippreserva u jiċċelebra l-wirt u l-identità tagħna, filwaqt li jservi bħala pont bejn il-passat u l-preżent kulturali ta' Għawdex. Sa mill-ftuħ tiegħu fl-2013, Il-Ħaġar sar punt ta' riferiment importanti fuq il-mappa kulturali tal-gżira, jospita wirjiet, kunċerti, lezzjonijiet u attivitajiet komunitarji li jġibu n-nies flimkien.

B'kollox, dan il-proġett kien jinvolvi investiment ta' madwar €37,000 mill-organizzazzjoni, li minnhom aktar minn €18,300 ġew sostnuti mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme.

Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kompla jinvesti sabiex jappoġġja r-rinnovar u l-iżvilupp ta' postijiet f'Għawdex, bil-għan li jinħolqu faċilitajiet ta' kwalità għolja f'dan is-settur li qed jikber b'rata mgħaġġla u li joffri opportunitajiet sinifikanti għall-ekonomija Għawdxija. Din l-iskema pprovdiet appoġġ finanzjarju sa massimu ta' €50,000 għal proġetti li jimmodernizzaw u jtejbu swali u faċilitajiet, sabiex Għawdex ikun jista' jattira aktar avvenimenti ta' livell, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Mużew Il-Ħaġar fir-Rabat, Għawdex jissaħħaħ bħala ċentru modern u spazju għall-konferenzi u avvenimenti permezz tal-iskema MICE Restoration Scheme
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow