Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Klabb tal-Boċċi lura lill-Koppin wara kważi 20 sena

PR260468
Date Icon 23/03/2026

Fl-aħħar ġimgħat, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħlijiet estensivi ta' riġenerazzjoni fil-klabb tal-boċċi ġewwa Ħal Kirkop. Dan ix-xogħol biddel sit li kien ilu fi stat ta' abbandun għal kważi 20 sena, f'faċilità komunitarja kompletament operattiva.

Ix-xogħlijiet bdew b'tindif estensiv, li kien jinkludi t-tneħħija ta' skart tal-kostruzzjoni, qtugħ ta' ħaxix ħażin, u skart akkumulat matul għexieren ta' snin. Fl-istess waqt, il-wiċċ tal-pitch, mifrux fuq medda ta' 200 metru kwadru, imtela' b'saff fin ta' ramel ta' 25mm biex jintlaħqu l-istandards meħtieġa għal-logħob.

Fost l-interventi strutturali li saru kien hemm xogħlijiet ta' skavar, tqegħid ta' sodda ġdida tal-konkos għall-madum, twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' ħajt tal-ġebel b'pedamenti ġodda, kif ukoll alterazzjonijiet fil-livelli tal-art biex titjieb l-aċċessibbiltà. Ġew installati wkoll madwar 60 metru kwadru ta' madum anti-slip għall-użu fuq barra u 20 metru kwadru ta' madum fuq ġewwa, flimkien ma' sistema adegwata ta' drenaġġ u livellar korrett.

Sar ukoll titjib fis-sistema tal-elettriku, li kien jinkludi, fost oħrajn, bdil ta' spotlights, tiswijiet fl-arbli tad-dawl, u provvista sħiħa ta' dawl u enerġija fil-kmamar. Barra minn hekk, saru xogħlijiet ta' tikħil u żebgħa, ġew installati 64 siġġu sportiv ġdid, u twaħħlet mantinella tradizzjonali tal-injam madwar il-perimetru tal-ground tal-boċċi.

Il-proġett kien jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' bibien ġodda tal-aluminium u twieqi double-glazed, flimkien ma' gate prinċipali tal-azzar galvanizzat u żewġ gates oħra tal-azzar. Saru wkoll xogħlijiet ta' waterproofing fuq is-soqfa tal-kmamar permezz ta' liquid membrane u sistema ta' polymeric mesh. Dan il-proġett se jiżgura użu mill-aqwa fit-tul, aktar sigurtà u aċċessibbiltà aħjar, filwaqt li reġa' ta l-ħajja lil dan il-klabb bħala ċentru rikreattiv importanti għall-komunità ta' Ħal Kirkop.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal, “Minn spazju abbandunat għal diversi snin f'Ħal Kirkop, irnexxielna nittrasformawh fi spazju għall-komunità, fejn issa tista' tintlagħab il-logħba tal-boċċi li hi tant popolari magħna l-Maltin. Issa Ħal Kirkop għandu klabb tiegħu fejn jista' jilgħab u jikkompeti f'kompetizzjonijiet lokali. Dan huwa l-impenn tagħna, illi nkompli nittrasformaw spazji sabiex il-komunitajiet tagħna igawdu mill-investiment li qed noħolqu flimkien."

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Ħal Kirkop Matthew Agius Zammit qal kif wara 20 sena, Ħal Kirkop għandu klabb tal-boċċi tiegħu. Huwa rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għas-sostenn sabiex din il-ħolma ssir realtà għall-Koppin.

Il-President tal-Federazzjoni tal-Klabbs tal-Boċċi Clinton John Saliba rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-ħidma biex jinfetaħ dan il-pitch u għall-għajnuna li qed tingħata lill-klabbs tal-boċċi ta' Malta. “Permezz ta' hekk qed tingħata s-saħħa lil dan l-isport biex din il-logħba Maltija tradizzjonali tibqa' għaddejja u tissaħħaħ," sostna s-Sur Saliba. Huwa irringrazzja wkoll lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol siewi li jwettqu fil-klabbs tal-boċċi ġewwa Malta.

Dan ix-xogħol f'Ħal Kirkop huwa wieħed mill-ħafna irħula, fosthom Ħaż-Żabbar u ż-Żurrieq, fejn sar xogħol fil-klabbs tal-boċċi rispettivi tagħhom, sport tant importanti fil-kultura Maltija. Apparti minn hekk, dan ix-xogħol hu wieħed mil-ħafna xogħol li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq f'diversi għaqdiet sportivi madwar Malta.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Klabb tal-Boċċi lura lill-Koppin wara kważi 20 sena
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Klabb tal-Boċċi lura lill-Koppin wara kważi 20 sena
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Klabb tal-Boċċi lura lill-Koppin wara kważi 20 sena
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow