STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Tintemm b’suċċess l-open day bħala parti mill-konsultazzjoni dwar ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Mijiet ta' nies u familji attendew għall-open day organizzat bħala parti mill-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
L-attività, organizzata mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir flimkien ma' Enemalta, tat l-opportunità lill-pubbliku jesperjenza mill-qrib is-sit fil-Marsa li se jkun ċentrali għall-ewwel fażi tal-proġett. Ġew organizzati diversi attivitajiet għall-familja kollha, b'enfasi fuq involviment edukattiv u interattiv relatat mal-port u l-istorja tiegħu.
It-tfal setgħu jieħdu sehem f'diversi stazzjonijiet b'attivitajiet, inkluż attivitajiet ta' ship building u logħob relatat mal-ħajja marittima. Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin kienet esperjenza ta' realtà virtwali (VR), li ppermettiet lill-viżitaturi jagħmlu 'harbour cruise' virtwali fil-Port il-Kbir u japprezzaw il-kobor u s-sinifikat tiegħu.
Aspetti edukattivi enfasizzaw ukoll l-istorja tal-port, inkluż il-fatt li kien wieħed mill-aktar portijiet li sfaw attakkati matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dawk li attendew kellhom ukoll l-opportunità jaraw mill-qrib is-sit tal-ex power station fil-Marsa, fejn ħafna esprimew kemm baqgħu impressjonati bil-kobor tal-post u osservaw id-differenza bejn l-użu industrijali tal-passat u l-potenzjal kbir li għandu għall-futur.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli qalet li din l-inizjattiva kienet maħsuba biex iġġib lin-nies eqreb lejn il-viżjoni tal-proġett. “Ridna li n-nies jieħdu sens reali ta' dan is-sit u tal-potenzjal li għandu. Dan il-post se jkun parti importanti minn din il-fażi tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir fil-Marsa. Filwaqt li għaddejjin bil-laqgħat mal-istakeholders, fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed intellgħu wkoll il-pre-market consultation. Kien importanti għalina li n-nies jaraw b'għajnejhom x'jista' jsir hawnhekk u kif qed naraw li din iż-żona tinbidel f'wieħed mill-aktar spazji importanti u ħajjin fil-pajjiż," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-pjan tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir huwa proġett fit-tul li se jitwettaq f'fażijiet differenti, bil-għan li jinħoloq spazju modern, sostenibbli u ta' livell internazzjonali. L-ewwel fażi tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-ex power station f'żona mħallta li tinkludi spazji ekonomiċi, kulturali, soċjali u rikreattivi.
Dan il-proġett qed jitfassal bl-involviment ta' esperti internazzjonali, fosthom id-ditta rinomata Chapman Taylor, u qed ikun imsejjes fuq konsultazzjoni kontinwa mal-istakeholders u l-pubbliku.
Il-pjan għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir għandu l-għan li jirrispetta l-wirt storiku u marittimu ta' Malta filwaqt li joħloq opportunitajiet ġodda u ġġib il-port aktar qrib in-nies, bħala ċentru ta' attività ekonomika, kulturali u soċjali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN