STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U L-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Javvanzaw ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru tad-distribuzzjoni tas-Siġġiewi
Proġett li se jibbenifikaw minnu madwar 12,000 klijent
Ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru ġdid tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-Enemalta fis-Siġġiewi laħqu stadju importanti, bil-binja issa kważi lesta u bdew jitwaħħlu partijiet ewlenin tal-infrastruttura elettrika.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ing. Ryan Fava, żaru s-sit biex jaraw mill-qrib il-progress li qed isir hekk kif il-proġett miexi b’pass mgħaġġel lejn it-tlestija.
L-istruttura tal-binja hija kważi kompluta, u x-xogħlijiet issa qed jiffukaw fuq l-installazzjoni tas-switchgear il-ġdid, apparat essenzjali tal-infrastruttura elettrika taċ-ċentru. Qed jitqiegħdu wkoll madwar 70 kilometru ta’ cables.
Meta jitlesta, iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ 33/11kV se jkun mgħammar b’żewġ transformers ta’ 30MVA u switchgear modern biex b'hekk, ikun jista' jlaħħaq kemm mad-domanda attwali kif ukoll ma’ dik futura tal-elettriku fiż-żona. Il-faċilità se ssaħħaħ il-provvista tal-elettriku għal madwar 12,000 klijent fis-Siġġiewi, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Qormi, fl-Imqabba u fil-Qrendi, filwaqt li tnaqqas il-pressjoni fuq ċentri oħra tad-distribuzzjoni f’partijiet differenti tan-network.
Matul iż-żjara, il-Ministri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi u r-rappreżentanti tal-Enemalta ltaqgħu ma’ inġiniera, kuntratturi u ħaddiema fuq is-sit, u rringrazzjawhom għad-dedikazzjoni u l-isforzi kontinwi tagħhom li qed jippermettu li l-proġett javvanza b’mod stabbli.
“Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi huwa wieħed minn tlett ċentri ta’ distribuzzjoni li bħalissa qegħdin naħdmu fuqhom u ser inkunu qegħdin inwasslu fix-xhur li ġejjin. Dawn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni jagħmlu parti mill-pjan ta’ disa’ snin li għandna bħala Enemalta biex inkomplu nsaħħu n-network tad-distribuzzjoni f’pajjiżna. Huma parti wkoll mill-viżjoni li se twassalna sal-2050 għaliex wara kollox irridu li jkollna sistema tal-elettriku reżiljenti u li tkun ippreparata mhux biss għall-ħtiġijiet tal-lum imma anke ta’ għada,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett juri kif l-investiment mill-Unjoni Ewropea qed jintuża biex jissaħħu infrastrutturi kruċjali għall-pajjiż u biex Malta tkompli timxi ’l quddiem fit-tranżizzjoni enerġetika. “Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ in-netwerk tal-elettriku f’Malta u jtejjeb l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fl-istess waqt, proġetti bħal dawn jgħinuna nkomplu nintegraw aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grid nazzjonali u jikkontribwixxu għall-miri Ewropej relatati mal-Green Deal Ewropew u l-inizjattiva REPowerEU,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa żied li l-ħidma fuq iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Siġġiewi se jkun pass ieħor lejn infrastruttura enerġetika aktar moderna u reżiljenti għall-pajjiż.
Il-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi jifforma parti mill-investiment kontinwu tal-Enemalta biex issaħħaħ u timmodernizza n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta. Fl-istess ħin, ix-xogħlijiet qed jimxu b’pass tajjeb ukoll fuq żewġ ċentri strateġiċi oħra fin-Naxxar u fl-Imsida. Dawn it-tliet ċentri huma parti minn programm usa’ ta’ investimenti li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta.
“Il-progress li sar fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi jirrappreżenta pass importanti fl-investiment kontinwu tal-Enemalta biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku f’Malta. Flimkien mal-proġetti li għaddejjin bħalissa fin-Naxxar u l-Imsida, dawn iċ-ċentri ġodda se jtejbu b’mod sinifikanti r-reżiljenza, il-flessibbiltà u l-kapaċità tan-network tad-distribuzzjoni. Dawn il-proġetti huma wkoll parti mill-pjan ta’ disa’ snin tal-Enemalta biex tissaħħaħ u timmodernizza n-network tad-distribuzzjoni, li tnediet aktar kmieni din is-sena. Dan il-programm ambizzjuż se jkompli jwassal investimenti kbar fl-infrastruttura madwar il-pajjiż biex jiġi żgurat li s-sistema tal-elettriku f’Malta tibqa’ robusta, affidabbli u lesta biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet futuri tal-enerġija,” qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ing. Ryan Fava, li esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lejn l-inġiniera, il-kuntratturi u l-ħaddiema involuti għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom.
Il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea (RRP).
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN