Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Dejta agrometeoroloġika issa disponibbli online permezz tal-websajt tal-Malta Met Office biex tappoġġja lill-bdiewa u lill-pubbliku

pr260441
Date Icon 17/03/2026

Il-Gvern qed ikompli jinvesti f'soluzzjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u d-dejta sabiex isaħħaħ is-settur agrikolu u jappoġġja lill-bdiewa f'pajjiżna. Dan tħabbar waqt żjara li saret fl-istazzjon agrometeoroloġiku ta' Ħaż-Żebbuġ, wieħed mill-istazzjonijiet li jiffurmaw parti min-network nazzjonali ta' monitoraġġ tat-temp u tal-kundizzjonijiet agroklimatiċi.

Din l-inizjattiva qed titmexxa mid-Direttorat għar-Riċerka u s-Servizzi ta' Konsulenza (RASD) fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, li permezz tagħha ġew installati tnax-il stazzjon agrometeoroloġiku mifruxin b'mod strateġiku madwar Malta u Għawdex sabiex ikun hemm kopertura ġeografika wiesgħa tal-kundizzjonijiet klimatiċi li jaffettwaw direttament lill-agrikoltura.

Id-dejta miġbura minn dawn l-istazzjonijiet tiġi pproċessata u analizzata mir-RASD qabel ma tiġi trażmessa lill-Malta Met Office fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, li permezz tal-pjattaforma online tiegħu qed jagħmel din l-informazzjoni aċċessibbli kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-pubbliku inġenerali. Dan huwa possibbli permezz ta' kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-Malta Met Office sabiex id-dejta agrometeoroloġika tkun tista' tiġi ppubblikata flimkien ma' informazzjoni meteoroloġika oħra disponibbli fuq is-sit uffiċjali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li din l-inizjattiva tirrappreżenta pass importanti lejn agrikoltura aktar moderna u sostenibbli. “Permezz ta' dawn l-istazzjonijiet qed inkunu nistgħu nipprovdu informazzjoni preċiża u f'ħin reali li tgħin lill-bdiewa jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati dwar l-immaniġġjar tal-għelieqi tagħhom."

Il-Ministru Refalo żied jgħid li minbarra parametri meteoroloġiċi tradizzjonali bħat-temperatura, ix-xita, l-umdità u r-riħ, dawn l-istazzjonijiet jiġbru wkoll dejta speċjalizzata relatata mal-agrikoltura bħall-umdità tal-ħamrija, it-temperatura tal-ħamrija, il-leaf wetness u varjazzjonijiet fit-temperatura u fl-umdità f'livelli differenti tal-ħamrija.

Huwa spjega li din id-dejta tista' tkun ta' għajnuna kbira għall-bdiewa fil-proċess ta' ppjanar tal-irrigazzjoni u  fl-identifikazzjoni ta' riskji ta' mard fil-pjanti. “Dan kollu jikkontribwixxi sabiex l-agrikoltura tagħna tkun aktar effiċjenti, sostenibbli u adattata għall-isfidi klimatiċi li qed naraw illum," qal il-Ministru.

Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan in-network ta' stazzjonijiet qed jiġi mmonitorjat kuljum mill-esperti tar-RASD sabiex jiġi żgurat li l-istazzjonijiet qed jiffunzjonaw b'mod korrett u li d-dejta li qed tinġabar u tiġi pprovduta lill-pubbliku tkun preċiża u affidabbli. Huwa sostna li investimenti bħal dawn juru l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-appoġġ lis-settur agrikolu permezz tal-użu tal-innovazzjoni, it-teknoloġija u r-riċerka xjentifika.

Wieħed jista' jżur il-paġna dedikata tal-istazzjonijiet tat-temp fuq il-websajt tal-Malta Met Office: https://maltametoffice.com/en/weather-stations-agricultural/.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Dejta agrometeoroloġika issa disponibbli online permezz tal-websajt tal-Malta Met Office biex tappoġġja lill-bdiewa u lill-pubbliku
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Dejta agrometeoroloġika issa disponibbli online permezz tal-websajt tal-Malta Met Office biex tappoġġja lill-bdiewa u lill-pubbliku
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow