STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Miżura li ssalva l-ħajja: EpiPen b’xejn għal pazjenti f’riskju ta’ anafilassi
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar kif fil-jiem li ġejjin, b'investiment ta' madwar €352,000 fis-sena, 480 pazjent pedjatriku u 1,120 pazjent adult ser jibdew jibbenefikaw u jiġi offruti provvista ta' awtoinjetturi tal-adrenalina (EpiPen) b'xejn. Il-miżura se tnaqqas ukoll il-piż finanzjarju fuq il-familji, li sa issa kienu qed jixtru dawn il-mediċini minn buthom.
“Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa pubblika billi qed jintroduċi miżura ġdida li tpoġġi s-sigurtà tal-pazjent l-ewwel", saħaq Dr Abela.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li din il-miżura hija pass importanti fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta' kundizzjoni li tista' tkun fatali, fejn kull sekonda tgħodd. Qal kif l-awtoinjetturi ser jipprovdu għodda essenzjali li tista' ssalva l-ħajja f'mumenti kritiċi.
Il-pazjenti eliġibbli ser ikunu jistgħu jibbukkjaw appuntamenti ma' konsulenti kliniċi tal-Gvern, li jwettqu valutazzjoni abbażi ta' episodji preċedenti ta' anafilassi. Wara approvazzjoni, il-mediċina tkun disponibbli permezz tal-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC) skont il-linji gwida aġġornati.
Huwa spjega kif pazjenti adulti ser jibdew jirċievu żewġ awtoinjetturi fis-sena, wieħed immedjatament u wieħed aktar tard matul is-sena, u pazjenti pedjatriċi ser jibdew jirċievu żewġ awtoinjetturi f'daqqa.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif minkejja sfidi ta' akkwist fuq livell internazzjonali, il-Gvern irnexxielu jassigura din il-provvista permezz ta' ħidma koordinata, b'fokus ċar fuq l-interess u s-sigurtà tal-pazjent. Din l-inizjattiva tirrifletti impenn kontinwu lejn sistema tas-saħħa li tipproteġi l-ħajja u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
“Din hija miżura li verament tista' tagħmel differenza bejn il-ħajja u l-mewt. Qegħdin ninvestu mhux biss fil-kura, iżda fil-prevenzjoni u fis-serħan il-moħħ tal-pazjenti u tal-familji tagħhom. Kull pazjent li għandu riskju ta' anafilassi għandu jkollu l-għodda meħtieġa f'idejh fil-mument kritiku", temm jgħid Dr Abela.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN