STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda d-9 edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali: Il-qari fiċ-ċentru tal-edukazzjoni
“Din hija inizjattiva oħra li permezz tagħha qed inkomplu nenfasizzaw l-importanza tal-qari fost it-tfal tagħna. Permezz tal-Qaritona Nazzjonali, issa fid-9 edizzjoni tagħha, qed inħeġġu aktar tfal biex jaqraw aktar u aħjar". Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, meta flimkien mal-President Emeritus u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca, nieda l-edizzjoni ta' din is-sena tal-Qaritona Nazzjonali.
“Hija l-missjoni ewlenija tagħna bħala gvern li naraw li l-edukazzjoni tasal għand kulħadd – kull forma ta' edukazzjoni. L-edukazzjoni tieħu diversi forom – u huwa żgur li l-qari huwa l-bażi ta' edukazzjoni sana fil-perkors edukattiv", qal il-Ministru Clifton Grima.
Waqt it-tnedija, Marie-Louise Coleiro Preca qalet, "It-tnedija tal-Qaritona Nazzjonali 2026 hija opportunità mill-isbaħ biex niċċelebraw is-sabiħ tal-qari u l-impatt profond tiegħu fuq it-tagħlim. Il-qari mhux biss isaħħaħ il-litteriżmu u l-ħiliet tal-kitba, imma jqanqal ukoll l-immaġinazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-kreattività. Billi ninkoraġġixxu lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom ma' stejjer, inkunu qed inrawmu l-abbiltà tagħhom li jesprimu lilhom infushom, jaħsbu b'mod innovattiv u jindirizzaw l-isfidi b'ideat ġodda. Inizjattivi bħall-Qaritona jispiraw imħabba tul il-ħajja għall-qari, li hija l-pedament għat-tkabbir personali u s-suċċess akkademiku".
It-tema magħżula din is-sena hija 'Tales Across Cultures — Connecting Young Voices Through Storytelling'. Matul it-tnedija, erba' studenti qasmu stejjer u esperjenzi mill-kulturi tagħhom mal-mistiedna distinti, l-ambaxxaturi tal-qari u sħabhom l-istudenti.
Wara, l-istudenti kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet dwar il-qari lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, lill-Ministru Clifton Grima, u lill-ambaxxaturi tal-qari.
Din hija inizjattiva interkulturali mfassla għall-istudenti tal-iskejjel primarji u medji u tħeġġeġ studenti ta' kulturi u lingwi differenti biex jaqsmu, jesploraw u jerġgħu jimmaġinaw stejjer folkloristiċi jew ħrejjef, bħala mezz biex titkattar l-għaqda bejn tfal minn kulturi differenti.
Permezz ta' firxa ta' attivitajiet li jistgħu jsiru fil-klassi jew id-dar, l-istudenti se jaqsmu stejjer tradizzjonali mill-kulturi tagħhom, jesploraw stejjer Maltin, u jikkollaboraw b'mod kreattiv ma' sħabhom biex joħolqu stejjer ġodda.
Il-Qaritona Nazzjonali ssir b'kollaborazzjoni bejn il-Malta Trust Foundation, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u l-Malta Public Transport u bil-parteċipazzjoni tal-Iskejjel Primarji u Skejjel Medji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Dan il-proġett għandu l-għan li jħeġġeġ u jrawwem l-imħabba għall-qari, flimkien mal-promozzjoni tal-litteriżmu.
It-tnedija saret fil-Kulleġġ Santa Klara Primarja San Ġwann u għaliha kien hemm preżenti wkoll David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN