STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Skema ta’ Distribuzzjoni tal-Palm tgħin lill-Kunsilli Lokali jkomplu jsebbħu l-komunitajiet u jsaħħu l-ambjent urban
Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn ambjent aktar sostenibbli permezz tal-Iskema ta' Distribuzzjoni tal-Palm, inizjattiva li għandha l-għan li tappoġġja lill-Kunsilli Lokali fil-ħidma tagħhom ta' tisbiħ tal-ibliet u l-irħula madwar Malta u Għawdex.
Permezz ta' din l-iskema, li qed titmexxa mid-Direttorat responsabbli mis-Servizzi Agrikoli Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, qed jitqassmu numru ta' siġar tal-palm li jitkabbru lokalment sabiex jitħawlu f'diversi spazji pubbliċi bħal toroq, pjazez u ġonna. L-għan ewlieni ta' din l-inizjattiva huwa li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ambjent urban filwaqt li ssaħħaħ il-preżenza ta' spazji ħodor fil-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna, “Din l-inizjattiva għandha wkoll dimensjoni importanti oħra, hekk kif matul l-aħħar snin diversi lokalitajiet f'pajjiżna ġew affettwati mill-problema tal-palm borer, infestazzjoni li kkawżat telf ta' siġar tal-palm f'bosta spazji pubbliċi. Permezz ta' din l-iskema, il-Gvern qed jagħti kontribut konkret sabiex gradwalment jibda jiġi sostitwit dan it-telf u jkompli jissaħħaħ il-pajsaġġ naturali tal-lokalitajiet tagħna.''
Il-Ministru Refalo żied jgħid li l-palmi kollha mqassma taħt din l-iskema qed jitkabbru lokalment, fatt li jkompli jsaħħaħ il-politika tal-Gvern li jappoġġja l-produzzjoni agrikola lokali filwaqt li jippromwovi prattiki sostenibbli li jġibu benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għas-settur agrikolu.
“F'din il-fażi tal-iskema, numru ta' Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva, li permezz tagħha se jkomplu jissaħħu l-isforzi ta' tisbiħ u titjib tal-ambjent fil-komunitajiet madwar il-pajjiż," temm jgħid il-Ministru Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali biex inizjattivi ambjentali bħal dawn jaslu direttament fil-komunitajiet. Hija sostniet li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali fit-tisbiħ tal-lokalitajiet u fil-ħarsien tal-ambjent, u li skemi bħal din qed jgħinuhom ikomplu jwettqu din il-missjoni b'aktar riżorsi u appoġġ.
Din l-inizjattiva hija parti minn viżjoni usa' li tgħaqqad flimkien il-ħarsien tal-ambjent, l-appoġġ lis-settur agrikolu u t-tisħiħ tal-komunitajiet lokali. Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, il-Gvern qed juri b'mod konkret kif il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeri u l-Kunsilli Lokali tista' twassal għal riżultati pożittivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jħallu ambjent aktar sabiħ u sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN