STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija r-Renewal Spring Camps: Inizjattiva biex iż-żgħażagħ isaħħu l-benesseri tagħhom waqt il-vaganzi tal-Għid
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti nieda l-inizjattiva 'Renewal Spring Camps', immexxija mill-Aġenzija Żgħażagħ bit-tema 'Reset, Refocus, Revise'. Dawn il-camps huma mfassla speċifikament biex joffru spazju ta' mistrieħ attiv u tħejjija għaż-żgħażagħ matul il-perjodu tar-rebbiegħa.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikollhom mumenti fejn jistgħu jieqfu u jerġgħu jiksbu l-enerġija tagħhom. Huwa sostna li, “Il-perjodu tal-Għid mhuwiex biss żmien ta' btala, iżda mument fejn iż-żgħażagħ jistgħu jirriflettu u jinvestu fil-benesseri tagħhom. Meta ninvestu f'dawn il-programmi, inkunu qed ninvestu f'ġenerazzjoni li mhux biss kapaċi tistudja aħjar, imma li għandha l-għodda meħtieġa biex tieħu ħsieb lilha nnifisha f'dinja dejjem tinbidel."
Simon Schembri, Manager tal-Community and Outreach f'Aġenzija Żgħażagħ, ippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-proġett fejn spjega li dawn il-camps huma mfassla speċifikament għal żgħażagħ bejn it-12 u s-16-il sena biex jgħinuhom jibnu rutini sani u jżidu l-fokus tagħhom qabel ma jirritornaw l-iskola. Huwa elabora fuq id-dinamika tal-camps u l-benefiċċji għall-parteċipanti, fejn stqarr li, “L-għan aħħari tagħna huwa li ż-żgħażagħ joħorġu minn dawn il-camps b'direzzjoni aktar ċara u b'rutini aktar b'saħħithom. Permezz ta' dawn il-workshops, se nkunu qed ngħinuhom isibu l-motivazzjoni meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi akkademiċi u personali tagħhom b'aktar kunfidenza."
Il-programm tar-Renewal Spring Camps jiffoka fuq tliet pilastri ewlenin:
- Bilanċ emozzjonali: Permezz ta' attivitajiet ta' benesseri u riflessjoni ggwidata biex tissaħħaħ l-istabbiltà taż-żgħażagħ.
- Id-dinja diġitali: Spazju fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu jużaw it-teknoloġija b'mod konxju.
- Tħejjija għall-eżamijiet: Workshops dwar ħiliet ta' studju u tekniki ta' reviżjoni biex iħejju liż-żgħażagħ għall-eżamijiet.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi rringrazzja lill-Aġenzija Żgħażagħ tax-xogħol siewi tagħha u ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jieħdu din l-opportunità biex iġeddu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Dawk kollha interessati jistgħu japplikaw online fuq youth.gov.mt
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN