STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA 75% tax-xogħlijiet lesti fi Ġnien il-Madonna tal-Vitorja f’Pembroke
100 siġra ġdida inkluż ħarruba ta' madwar 4,000kg
Għaddej b'ritmu tajjeb ix-xogħol fi Ġnien Madonna tal-Vitorja f'Pembroke, hekk kif żona ta' madwar 2,250 metru kwadru li parti minnha kienet tarmak, issa qed tiġi trasformata fi spazju miftuħ qalb ir-residenti.
Waqt żjara fuq il-post, flimkien mat-tim ta' Project Green u membri tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke inkluż is-Sindku Kaylon Zammit, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli rrimarkat kif dan huwa proġett ieħor li qed jiġi implimentat f'żona urbana.
“Qed nieħu gost li rġajt ġejt hawn f'Pembroke fejn qed niżviluppaw ġnien, f'post li parti minnu kienet anke triq, u fejn darba wara oħra qed nara l-progress li qiegħed isir. F'din iż-żona ser ikun hawn ġnien imdaqqas b'iktar minn mitt siġra li se jiġu mħawla. Minn post fejn sfortunatament kien spiċċa jiġbor l-iskart tal-kostruzzjoni – tant li ġbarna minn hawn aktar minn 2.5 tunnellati skart ta' dan it-tip – issa ser ikollna dan il-ġnien għan-nies tal-akkwata u anke għal dawk kollha li jżuru din iż-żona," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
B'investiment ta' madwar €425,000, saru diversi interventi biex fiż-żmien li ġej Ġnien il-Madonna tal-Vitorja jibda jitgawda mir-residenti ta' Pembroke u l-madwar. F'dan il-proġett qed jiġu preservati elementi storiċi u fl-istess waqt qed jinħoloq spazju miftuħ u aċċessibbli. L-elementi sostenibbli huma parti integrali f'dan il-proġett hekk kif tneħħew pjanti invażivi u ħamrija indiġena ġiet skavata biex terġa' tintuża mill-ġdid, fl-istess sit.
Fost ix-xogħlijiet li saru hemm xogħlijiet strutturali, inkluż kostruzzjoni ta' ħitan bl-użu ta' blokok tal-ġebel riċiklat, surface compaction u passaġġi ġodda. Fost is-siġar li qed jitħawlu, tħawlet ukoll siġra matura tal-ħarrub ta' madwar 6 metri li tiżen madwar 4,000kg.
Is-Sindku Kaylon Zammit qal, “Ġnien il-Madonna tal-Vitorja huwa proġett ieħor għal qalbi u dan għaliex spazju li fil-maġġoranza tiegħu kien kollu konkos u tarmak illum inbidel f'post riġenerat fejn il-familji, b'mod partikolari dawk tal-lokalità, se jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Din il-kollaborazzjoni ma' Project Green qed tagħtina l-opportunità sabiex, bħala komunità, nintegraw aktar mal-ambjent ta' madwarna. Żgur li dan il-ġnien se jservi wkoll bħala spazju edukattiv, fejn l-iskejjel fil-qrib ikunu jistgħu jersqu lil hinn mil-lezzjonijiet tradizzjonali u jagħmlu użu minn dan il-post bħala parti mill-esperjenza ta' tagħlim tagħhom. Intant, rajna wkoll li f'dan il-ġnien nintegraw spazju apposta sabiex il-qtates tal-madwar li jgħixu barra jkollhom post fejn jistgħu jistkennu b'mod aktar sigur u adattat. Din il-kollaborazzjoni sservi ta' prova ċara ta' kif Kunsill Lokali jista' jkompli jinvesti b'mod b'saħħtu fil-komunità, investiment li jissarraf direttament f'kwalità ta' ħajja aħjar għar-residenti tagħna."
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN