Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI

PR260365
Date Icon 05/03/2026


Skema ġdida tappoġġja lill-bdiewa żgħażagħ biex tissaħħaħ il-ġenerazzjoni l-ġdida fis-settur agrikolu

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-futur tas-settur agrikolu permezz ta' skema mmirata biex tappoġġja lill-bdiewa żgħażagħ u tħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu fil-biedja permezz ta' opportunitajiet konkreti u sostenn finanzjarju sostanzjali.

Waqt żjara f'razzett għand bidwi żagħżugħ f'Ħaż-Żebbuġ, mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, ġie enfasizzat kif din l-iskema qed tħalli impatt dirett fuq il-ħajja taż-żgħażagħ li qed jagħżlu l-biedja bħala karriera u investiment għall-futur. Din iż-żjara serviet bħala eżempju konkret ta' kif il-politika agrikola qed tissarraf f'opportunitajiet reali fil-komunitajiet rurali.

Din l-inizjattiva mhijiex biss skema finanzjarja, iżda messaġġ ċar ta' fiduċja fil-ġenerazzjonijiet ġodda u fil-potenzjal tagħhom biex joħolqu opportunitajiet reali u sostenibbli fis-settur agrikolu Malti. Minkejja li numru ta' żgħażagħ jattendu korsijiet agrikoli f'pajjiżna, relattivament ftit jagħżlu li jidħlu fil-biedja minħabba sfidi finanzjarji u amministrattivi, flimkien mal-perċezzjoni ta' qligħ limitat u sigħat twal ta' xogħol.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo qal li, “Din mhijiex biss skema finanzjarja, iżda huwa wkoll messaġġ ċar li nemmnu fil-ġenerazzjonijiet ġodda u fil-potenzjal tagħhom biex jinħolqu opportunitajiet reali fis-settur agrikolu. Din l-iskema ġiet imfassla biex tindirizza dawn l-isfidi billi toffri appoġġ dirett lill-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jibdew negozju agrikolu ġdid jew jieħdu f'idejhom operazzjonijiet agrikoli eżistenti. L-għajnuna finanzjarja tista' tilħaq sa €100,000 għal kull applikant eliġibbli, li tinkludi ħlas inizjali ta' €80,000 għall-implimentazzjoni ta' Business Plan approvat, flimkien ma' top-ups addizzjonali ta' €10,000 jew €20,000 skont il-kategorija tal-bdiewa rispettiva."

Huwa temm jgħid li din l-għajnuna mhux biss tgħin lill-bdiewa jegħlbu l-isfidi inizjali, iżda qed tagħmel is-settur agrikolu aktar attraenti, innovattiv u effiċjenti, filwaqt li tħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali tant meħtieġ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din l-inizjattiva turi kif il-Fondi Ewropej qed jissarfu f'benefiċċji konkreti għall-bdiewa Maltin. Huwa spjega li permezz ta' din l-allokazzjoni sostanzjali, il-bdiewa qed jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex isaħħu l-operat tagħhom u jkomplu jimmodernizzaw l-azjendi tagħhom. “Dan huwa mod konkret kif qed ninvestu l-fondi Ewropej fil-bdiewa żgħażagħ, bil-għan li nagħtuhom opportunitajiet ta' suċċess f'dan is-settur."

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi żied jgħid li dan l-investiment qed jikkontribwixxi għal produzzjoni aktar stabbli ta' ikel frisk u għal provvista lokali aktar sigura, filwaqt li jkompli jinbena settur agrikolu sostenibbli u kapaċi jwieġeb għall-isfidi tal-futur.

Permezz ta' din l-iskema l-Gvern qed juri b'mod konkret kif il-fondi Ewropej qed jintużaw b'mod effettiv u responsabbli biex jissaħħu l-komunitajiet rurali u jiġi żgurat żvilupp sostenibbli fit-tul. Il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeri differenti qed twassal għal riżultati konkreti li jkomplu jsaħħu lis-settur agrikolu Malti.

Din l-inizjattiva tikkonferma l-viżjoni ta' Gvern li mhux biss jippjana, iżda jwettaq billi juża r-riżorsi Ewropej biex joħloq opportunitajiet reali u sostenibbli, sabiex il-bdiewa żgħażagħ jiffjorixxu u s-settur agrikolu jibqa' jinbena fuq esperjenza, innovazzjoni u viżjoni ċara għall-futur.

Ritratti: DOI/MFI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow