STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI U L-AKKOMODAZZJONI Investiment ieħor fl-akkomodazzjoni soċjali – Il-familji jkomplu jgawdu minn investiment fil-qasam tad-djar soċjali f’Marsaskala fiż-żona ta’ Bella Vista
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul żar ix-xogħlijiet ta' tisbiħ u manutenzjoni li qed isiru fil-qasam tad-djar soċjali fl-inħawi ta' Bella Vista f'Marsaskala.
Dr Ellul qal li minn dan l-investiment se jgawdu diversi familji flimkien ma' mijiet oħrajn li se jkunu qed jibbenefikaw minn proġetti simili madwar Malta u Għawdex. Huwa spjega li dawn ix-xogħlijiet jinvolvu manutenzjoni u riġenerazzjoni tal-faċċati ta' tliet blokok ta' akkomodazzjoni soċjali kif ukoll titjib fid-daħliet tagħhom.
Huwa qal li l-Gvern se jibqa' jagħti prijorità lill-investiment fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali. “Proġetti ta' riġenerazzjoni simili mhux biss jagħtu ħajja ġdida lill-binjiet eżistenti iżda jiżguraw ukoll li dawn jibqgħu tajbin għall-iskop ta' akkomodazzjoni dinjituża."
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kompla jgħid li xogħlijiet bħal dawn qed isiru madwar Malta u Għawdex u minnhom se jgawdu mijiet ta' familji. Huwa stqarr li dawn ix-xogħlijiet jitwettqu b'mod għaqli u effiċjenti u bl-inqas inkonvenjent għan-nies.
“Il-Gvern huwa kommess li jibqa' jinvesti f'xogħlijiet ta' tisbiħ, però huwa kommess ukoll li jibqa' jaħdem fuq diversi proġetti u skemi biex ikollna aktar postijiet ta' akkomodazzjoni soċjali," sostna Dr Ellul.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern kompla bil-proċess ta' tisħiħ ta' diversi skemi, fosthom dik marbuta ma' għotja ta' €50,000 biex jiġu riabilitati postijiet vojta sabiex imbagħad jitpoġġew fuq il-lista tal-akkomodazzjoni soċjali.
“Nibqgħu kommessi li nsaħħu l-akkomodazzjoni soċjali, fl-istess ħin li naħdmu bla waqfien għal akkomodazzjoni aktar affordabbli," temm jgħid Dr Ellul.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN