STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIIJIET TAT-TFAL
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-benefiċċji soċjali. Huwa importanti li jkun ippreċiżat li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ffoka l-analiżi tiegħu unikament fuq benefiċċji nonkontributorji, speċifikament fuq dawk li jirċievu l-assistenzi soċjali. Jiġifieri l-Awditur Ġenerali ffoka fuq proporzjon żgħir ħafna mill-investiment soċjali kollu fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali li jsir kull sena.
Li kieku l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għażel li jifrex l-analiżi tiegħu fuq il-pensjonanti, persuni b'diżabilità, carers, u familji li jaħdmu bit-tfal u li jirċievu firxa ta' benefiċċji soċjali, kien jikkonkludi li d-dħul ta' dawn kollha llum qed jaqbeż sostanzjalment il-livell meħtieġ.
Irid jingħad li l-iskop tal-assistenzi soċjali sa minn dejjem kien li joffru dħul bażiku minimu sabiex wieħed ikollu dħul sakemm ikun bla xogħol. Qatt ma kellhom l-iskop li joffru dħul li jkun biżżejjed biex familja jew individwu jilħqu livell ta' dħul għoli.
Minkejja dan, id-dħul ta' familja b'żewġt itfal fuq l-assistenza soċjali inkluż benefiċċji oħra, illum huwa €6,210 jew 65% ogħla milli kien fl-2013. U fejn fil-familja ikun hemm mard jew diżabilità, illum dawn il-familji għandhom benefiċċji addizzjonali sostanzjali li bihom jaqbżu il-livell ta' dħul meħtieġ.
Il-politika tal-Gvern f'dan ir-rigward dejjem kienet li filwaqt li l-benefiċċji soċjali ikomplu jissaħħu kif fil-fatt sar biex imorru għand min ħaqqu l-aktar, dawk li jiddependu mill-assistenzi soċjali u li huma b'saħħithom jiġu inċentivati sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-politika ta' child care b'xejn, it-tapering tal-benefiċċji u l-In Work Benefit, fost titjib ieħor, wasslet sabiex illum għandna biss terz ta' dawk li kellna fl-2013 li jiddependu minn dawn l-assistenzi soċjali.
It-tisħiħ li sar fl-aħħar 13-il sena wassal sabiex tfal, adulti u anzjani f'ċaħda materjali, inkluż dik severa, naqsu b'aktar minn nofs. Dawk li ma jaffordjawx il-kontijiet tal-enerġija u spejjeż oħra naqsu bi tliet darbiet, u llum għandna terz ta' dawk li kellna fl-2013.
Id-dħul medjan tal-familji żdied b'70% waqt li l-investiment fuq il-pensjonijiet u benefiċċji soċjali se jkun aktar minn irdoppja bejn l-2013 u l-2026 minn €814-il miljun għal €1,745 miljun.
Il-Gvern, kif għamel fl-aħħar 13-il sena u anke bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050, se jibqa' impenjat li jsaħħaħ u jtejjeb il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali għas-snin li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN