STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA F’Ċipru tiġi diskussa s-saħħa mentali fiż-żgħar u ż-żgħażagħ waqt laqgħa tal-Ministri tas-Saħħa tal-UE
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela attenda għal-laqgħa informali tal-Ministri tas-Saħħa tal-UE f’Nikosija Ċipru, fejn ġew diskussi tlett temi li huma ta’ prijorità għal Malta. L-aċċess għall-mediċini innovattivi, is-saħħa mentali fiż-żgħar u ż-żgħażagħ u s-saħħa diġitali.
Malta nnotat b’sodisfazzjon id-diskussjonijiet impenjattivi u kostruttivi li saru fuq livell Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ispazju Ewropew tad-Dejta tas-Saħħa, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-mediċini innovattivi, kif ukoll dwar il-prijoritizzazzjoni u “mainstreaming” tas-saħħa mentali, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Jo Etienne Abela fl-intervent tiegħu enfasizza kif Stati Membri żgħar bħal Malta jiffaċċjaw sfidi partikolari marbuta mar-riżorsi, capacity building u l-obbligi dejjem jiżdiedu fil-qafas Ewropew. “Malta tappella għall-appoġġ ikkordinat fil-livell tal-Unjoni Ewropea, inkluż gwida ċara u f’waqtha, pjattaformi ta’ tagħlim u strumenti ta’ finanzjament sostenibbli li jirriflettu r-realtajiet differenti tal-Istati Membri,” tenna Dr Abela.
Fir-rigward tal-aċċess għall-innovazzjoni fil-qasam farmaċewtiku, il-Ministru Abela qal kif Malta tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-inugwaljanzi persistenti fl-aċċess għal trattamenti ġodda u personalizzati. Qal kif Malta tappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inklużi strutturi volontarji u mudelli Ewropej li jikkumplimentaw il-proċessi eżistenti ta’ valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa, bil-għan li trattamenti effettivi jaslu għand il-pazjenti b’mod aktar ġust u f’waqtu.
Fl-intervent tiegħu dwar is-Saħħa Mentali, il-Ministru Abela semma kif f’pajjiżna dalwaqt se tkun qed tiġi mnedija strateġija nazzjonali dwar il-prevenzjoni tas-suwiċidju. Dr Abela enfasizza wkoll li s-saħħa mentali għandha titqies bħala prijorità orizzontali u trasversali fil-politika pubblika. Irrimarka kif Malta tibqa’ impenjata li ssaħħaħ sistemi ta’ saħħa mentali li huma aċċessibbli, flessibbli u affordabbli, b’attenzjoni speċjali lejn iż-żgħażagħ, permezz ta’ prevenzjoni, appoġġ bikri u servizzi komunitarji u diġitali. Fl-istess waqt, Malta tappoġġja azzjoni Ewropea aktar b’saħħitha dwar il-benesseri diġitali u s-sigurtà online.
“Il-Gvern Malti jibqa’ kommess li jaħdem b’mod effettiv mal-imsieħba Ewropej kollha sabiex jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, inaqqas l-inugwaljanzi u jiżgura li ċ-ċittadini kollha, inklużi l-aktar vulnerabbli, igawdu minn servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja, sostenibbli u orjentati lejn il-futur,” temm jgħid Dr Abela.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN