STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Uffiċċju ġdid ta’ Identità fil-qalba tar-Rabat, Għawdex
Infetaħ uffiċċju ġdid ta’ Identità fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi offruti lill-pubbliku Għawdxi. Dan l-investiment jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jressaq is-servizzi eqreb lejn iċ-ċittadini filwaqt li jinvesti f’infrastruttura moderna li twieġeb għall-ħtiġijiet tan-nies.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. L-Aġenzija bdiet topera minn din il-binja ġdida, li hija aċċessibbli u mgħammra b’faċilitajiet moderni li jwieġbu għad-domanda dejjem tikber għas-servizzi tagħha. Fl-aħħar snin, l-uffiċċji ta’ Identità f’Għawdex ipproċessaw eluf ta’ applikazzjonijiet kull sena, li jvarjaw minn karti tal-identità għal passaporti u dokumenti ta’ residenza maħruġa lill-pubbliku Għawdxi u residenti barranin.
L-uffiċċju se jkun qed joffri servizzi essenzjali bħall-ħruġ tal-Karti tal-Identità, Passaporti, servizzi tar-Reġistru Pubbliku, kif ukoll permessi u dokumenti ta’ residenza — kollha taħt saqaf wieħed. Qabel din ir-rilokazzjoni, dawn is-servizzi kienu mifruxa f’uffiċċji differenti, u għalhekk din il-bidla se tissimplifika b’mod sinifikanti l-esperjenza tal-klijenti filwaqt li tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni interna.
Il-Ministru Byron Camilleri, sostna li dan il-pass jifforma parti mill-istrateġija usa’ tal-Gvern biex is-servizzi pubbliċi jkunu aktar moderni u aċċessibbli. Huwa qal, “L-għan tagħna bħala Gvern huwa li dejjem nagħmlu s-servizzi iżjed viċin in-nies, li ċ-ċittadini jinqdew dejjem aħjar u bla dubju li dan l-uffiċċju ser jissarraf min-nies f’servizz aqwa. Dan l-investiment qiegħed jiffaċilita s-servizzi ta’ Identità lill-Għawdxin bil-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid. Parallel ma’ din il-ħidma qegħdin naraw ukoll li s-servizzi online ikomplu dejjem jitjiebu. Fl-aħħar snin l-irwol u s-servizz ta’ Identità kompla jitwessa’ u huwa wieħed importanti għaliex tista’ tgħid li kull persuna f’Malta tiġi bżonnu, u għalhekk nirringrazzja wkoll lill-uffiċjali kollha tal-ħidma li jwettqu ta’ kuljum.”
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar investa b’mod konkret sabiex jitlestew b’mod sħiħ ix-xogħlijiet kollha relatati mal-M&Es u l-finishes tal-binja b’valur ta’ madwar €350,000. Dawn ix-xogħlijiet inkludew interventi estensivi fejn kollox sar mill-ġdid, fosthom il-madum, is-suffetti, is-sistemi tal-arja kkundizzjonata u s-sistema ta’ ventilazzjoni. Dan l-investiment sar sabiex l-aġenzija Identità jkollha binja moderna, sigura u funzjonali li tixraq lill-ħaddiema tagħha, kif ukoll li toffri ambjent xieraq u dinjituż lil kull min ikollu bżonn jinqeda bis-servizzi tagħha.” Huwa żied li l-Ministeru qed jieħu ħsieb ukoll il-finanzjament tal-kirja ta’ din il-binja li qed tospita lill-aġenzija Identità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità, Dr Edric Zahra, fakkar kif sa ftit tax-xhur ilu s-servizzi kollha tal-aġenzija f’Għawdex kienu qed jingħataw minn uffiċċji differenti fir-Rabat. Huwa spjega li llum dawn l-istess servizzi qed jingħataw minn binja ċentrali u aċċessibbli waħda fil-qalba tar-Rabat Għawdex, xhieda tal-impenn tal-aġenzija biex toffri servizzi essenzjali bl-aktar mod effiċjenti.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Identità, Marlene Mizzi, qalet li l-aġenzija toffri servizzi essenzjali mill-bidu sat-tmiem tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hija enfasizzat li grazzi għall-istrateġija tal-aġenzija li tqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tad-deċiżjonijiet tagħha, qed jingħata servizz dejjem aktar professjonali, effiċjenti u effikaċi.
Matul l-inawgurazzjoni ġie enfasizzat l-impenn tal-Gvern u tal-aġenzija biex is-servizzi pubbliċi jibqgħu jiżviluppaw u jadattaw għar-realtajiet tal-lum, b’investiment kontinwu fit-trasformazzjoni diġitali, fl-effiċjenza u fil-kwalità tas-servizz, filwaqt li l-proċessi qed ikomplu jiġu ssimplifikati mingħajr ma jiddgħajfu l-kontrolli ta’ sigurtà. Ġie rikonoxxut li l-progress miksub huwa frott deċiżjonijiet għaqlin tul is-snin u d-dedikazzjoni kontinwa tal-impjegati, li jibqgħu impenjati li jkomplu jtejbu s-servizz professjonali offrut lill-komunità Għawdxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN