STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-KULTURA, L-ARTIJIET U L-GVERN LOKALI: 'Malta's Carnival – Behind the Mask' tittella' fil-Parlament Ewropew fi Brussell
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nedew il-wirja 'Malta's Carnival – Behind the Mask' fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici enfasizza kif il-Karnival Malti huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar espressjonijiet kulturali vibranti fil-gżejjer tagħna, b'għeruq li jmorru lura għas-seklu 16. Huwa spjega kif din il-wirja qed tippreżenta elementi oriġinali minn karrijiet tal-Karnival, kostumi elaborati, materjal arkivistiku u esperjenza immersiva ta' realtà virtwali li tagħti lill-viżitaturi opportunità unika jidħlu fil-qalba ta' din it-tradizzjoni.
“Il-Karnival huwa espressjoni ħajja tal-kreattività kollettiva tal-poplu tagħna. Huwa wirt li ġie ffurmat tul sekli sħaħ u li nkomplu ninvestu fih biex nibqgħu nsaħħu l-identità kulturali tagħna, kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna," sostna l-Ministru Bonnici. Huwa żied jgħid li l-fatt li din il-wirja qed tittella' fil-Parlament Ewropew jagħti rikonoxximent importanti lill-artisti, id-disinjaturi, u dawk li jibnu l-karrijiet u l-voluntiera kollha li sena wara oħra jaħdmu b'dedikazzjoni kbira biex jagħtu l-ħajja lill-Karnival Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, sostna li “Din hija okkażjoni unika fejn il-Parlament Ewropew jista' japprezza t-talent Malti. Il-Karnival Malti jibqa' tradizzjoni ħajja li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u tkompli tesprimi identità u immaġinazzjoni li jagħmluna kburin li aħna Maltin."
Il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef, stqarr “Il-Karnival Malti huwa ċelebrazzjoni ta' dak li jagħmilna Maltin, u bħala parti mill-wirt kulturali komuni Ewropew, huwa wkoll ċelebrazzjoni Ewropea. Permezz tal-Culture Compass for Europe, irridu niżguraw li kulħadd — u speċjalment iż-żgħażagħ tagħna — ikollhom aċċess għall-kultura u jinvolvu ruħhom fiha, kemm bħala ħallieqa kif ukoll bħala parteċipanti. B'hekk nistgħu nħarsu u nipproteġu l-wirt kulturali tagħna filwaqt li niżguraw li dan jibqa' ħaj, aċċessibbli u relevanti għall-ġenerazzjonijiet futuri."
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal, “Huwa ta' privileġġ għall-Kunsill Malti għall-Arti li jappoġġja din il-wirja fil-Parlament Ewropew. Din il-wirja mhijiex sempliċiment ċelebrazzjoni, hija stedina biex inħarsu lil hinn mill-kulur u mill-ispettaklu, u nifhmu l-fond kulturali li sawwar il-Karnival Malti tul aktar minn ħames sekli. F'kuntest Ewropew, il-Karnival Malti jikkontribwixxi għal wirt kulturali komuni li jgħaqqad il-popli tagħna. Fl-istess ħin, huwa espressjoni distintament Maltija, bil-lingwa tagħha, bl-umoriżmu tagħha u bil-kreattività tagħha."
Il-wirja tippreżenta vjaġġ storiku li juri l-evoluzzjoni tal-Karnival Malti, flimkien ma' sezzjonijiet iddedikati għall-arti tal-kostumi, is-sengħa tal-karrijiet, it-tradizzjonijiet tas-satira bħall-Qarċilla, l-ikel tipiku bħall-prinjolata, kif ukoll il-logħob u r-rimi tradizzjonali tat-tfal. Esperjenza ta' realtà virtwali tippermetti lill-viżitaturi jesperjenzaw il-parata tal-Karnival b'mod immersiv u interattiv.
L-esebizzjoni qed tittella' taħt id-direzzjoni artistika ta' Daniel Cauchi mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, u bis-sehem ta' ħafna artisti u għaqdiet attivi fil-Karnival Malti u se tkun miftuħa fil-Parlament Ewropew fi Brussell matul din il-ġimgħa.
Ritratti: MCLG
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN