STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ħidma importanti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fin-Nursery ta’ Siġġiewi FC
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq numru ta’ interventi ta’ manutenzjoni u titjib fil-ground sportiv tas-Siġġiewi, bil-għan li jissaħħu s-sigurtà, il-funzjonalità u jogħla l-livell tal-faċilitajiet għall-użu tal-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li dawn ix-xogħlijiet jiffurmaw parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex jinżammu u jitjiebu l-faċilitajiet pubbliċi fil-lokalitajiet. “Huwa importanti li nkomplu ninvestu f’infrastruttura li tintuża kuljum mill-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ dawn l-interventi, qed niżguraw li l-faċilitajiet sportivi jkunu aktar siguri, aktar reżiljenti u adegwati għall-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Il-President ta’ Siġġiewi FC, Roderick Farrugia, iddeskriva l-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi bħala waħda “Imprezzabbli, kemm mil-lat finanzjarju li tirriżulta f’faċilitajiet aħjar għall-klabb.”
Ix-xogħlijiet inkludew l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ chain link fence u soft net, kif ukoll it-tisħiħ tal-irbit tagħhom sabiex tiġi żgurata struttura aktar soda u sigura. Dan l-intervent jikkontribwixxi għal ambjent aktar protett għat-tfal li jattendu din in-nursery u għal operat aktar effiċjenti tal-faċilità.
Barra minn hekk, twettqet ħidma ta’ waterproofing fuq id-dressing rooms sabiex jiġi evitat dħul ta’ ilma u ssir protezzjoni aħjar tal-istrutturi. Saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq ix-xatba ewlenija tal-ground, kif ukoll il-manifattura u l-installazzjoni ta’ bollards ġodda, li jsaħħu l-kontroll tal-aċċess u s-sigurtà fiż-żona.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti fil-manutenzjoni u t-titjib tal-faċilitajiet pubbliċi madwar il-pajjiż, sabiex dawn ikunu aktar siguri, sostenibbli u adegwati għall-bżonnijiet tal-komunitajiet lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN