STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Il-kunsilli lokali mħeġġa jmexxu ’l quddiem proġetti mmirati lejn it-tfal
Nhar il-Ħamis filgħodu tnediet Tikketta ta' Kwalità TFULIJA (Towns & Villages For Us: Living, Inclusive, Joyful and Accountable). Tikketta li għandha l-għan li tagħti aktar viżibilità u għarfien tax-xogħol li qed isir mill-kunsilli lokali u għaqdiet oħra. Dan filwaqt li tħeġġeġ aktar kunsilli u għaqdiet volontarji sabiex jipproponu proġetti u spazji miftuħa, immirati lejn it-tfal. Dan filwaqt li tingħata prijorità lit-tfal sabiex jipparteċipaw fl-ippjanar u t-tgawdija tal-ispazji pubbliċi miftuħa madwar il-Gżejjer Maltin.
Din l-inizjattiva ser tkun qed tħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar proġetti li jkomplu jsebbħu l-lokalitajiet, u iktar minn hekk ikunu ppjanati għall-eżiġenzi tat-tfal. B'hekk, il-kunsilli lokali ser ikunu mħeġġa sabiex jiġu 'l quddiem bi proposti konkreti li fiċ-ċentru tagħhom ikun hemm it-tfal.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar kif it-tfal huma l-qalb, il-preżent u l-futur ta' dan il-pajjiż. Għaldaqstant saħaq li l-Gvern kontinwament isaħħaħ id-drittijiet u l-benesseri tagħhom fil-komunità. “Din l-inizjattiva hija ħolqa oħra minn katina li tirrifletti l-viżjoni usa' ta' ħolqien ta' ambjenti inklussivi li jissaportjaw il-familji u jagħtu s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet iktar żagħżugħa," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-kunsilli lokali qed jaħdmu fil-qalba tal-komunitajiet tagħna, b'mod partikolari għat-tfal li jirrappreżentaw il-ġenerazzjonijiet futuri. “Din l-inizjattiva hija xhieda ta' kemm il-kunsilli lokali qed ikunu protagonisti fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li jservu ta' pont ewlieni bejn iċ-ċittadin u diversi entitajiet governattivi." Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid li din l-inizjattiva tmur paripassu mal-Viżjoni Malta 2050, fejn il-Gvern qed jisħaq li t-tfal ikunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, kif ukoll fuq il-ħolqien ta' aktar spazji miftuħa għall-familji.
Il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo tkellmet dwar kif din l-inizjattiva nibtet minn rakkomandazzjoni ewlenija mressqa mill-istudju ta' riċerka 'Healthy Spaces – Co-creating Child-friendly Towns and Villages', li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. “Illum qed nagħmlu pass konkret lejn komunitajiet li mhux biss jinkludu t-tfal, iżda li huma wkoll imfasslin magħhom u għalihom. Għax meta nibnu bliet u rħula maħsubin għat-tfal, inkunu qed nibnu komunitajiet aħjar għal kulħadd", stqarret il-Kummissarju għat-Tfal.
Mil-lum, il-kunsilli lokali, bis-sapport tal-kunsilli reġjonali, jistgħu japplikaw għat-Tikketta ta' Kwalità TFULIJA permezz tas-sit elettroniku tfal.gov.mt. It-Tikketta ta' Kwalità tevalwa inizjattivi skont tmien kriterji ewlenin marbutin mal-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tat-tfal fil-komunità: il-Parteċipazzjoni tat-Tfal; is-Sigurtà; l-Inklużjoni; l-Adegwatezza għall-età u għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp; il-Promozzjoni tas-Saħħa; id-Disponibbiltà u l-Flessibbiltà tal-Użu; u l-Immaniġġjar u l-Manutenzjoni.
Hemm tliet safef ta' rikonoxximent: Bronż, Fidda u Deheb u kull rikonoxximent jibqa' validu għal tliet snin. Se jkunu ppreżentati wkoll għadd ta' rikonoxximenti speċjali. Il-kunsilli lokali huma mħeġġa jikkuntattjaw l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fuq 21485180 jew permezz tal-indirizz elettroniku cfc@gov.mt għal aktar tagħrif.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN