STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI: Malta tissieħeb fil-Global Partnership on Artificial Intelligence (GPAI)
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri ħabbar li l-applikazzjoni ta' Malta sabiex tissieħeb fil-Global Partnership on Artificial Intelligence (GPAI), ġiet aċċettata. Din hija inizjattiva internazzjonali li tlaqqa' flimkien 44 pajjiż membru biex jaħdmu għall-iżvilupp tal-Intelligenza Artifiċjali responsabbli, sigur, u fl-aqwa interess tan-nies.
Il-GPAI, mmexxija mis-Segretarjat tal-OECD f'Pariġi, jopera bħala pjattaforma unika li tgħaqqad gvernijiet, akkademji, soċjetà ċivili u industriji sabiex tqarreb flimkien it-teorija tal-AI u l-implimentazzjoni ta' din it-teknoloġija fid-dinja reali. L-inizjattiva tippromwovi l-prinċipji tal-AI, filwaqt li tiżgura li l-innovazzjoni tkun allinjata mad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istandards globali ta' governanza tajba fl-AI.
Iż-żieda ta' pajjiżna fil-GPAI tirrifletti l-impenn kontinwu ta' Malta li javvanza ekosistema diġitali mibnija fuq l-kontabbiltà, is-sigurtà, l-etika u l-fiduċja pubblika. Dan jirrikonoxxi wkoll il-ħidma fundamentali mwettqa mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) fit-twaqqif ta' mekkaniżmi robusti ta' governanza għat-teknoloġiji emerġenti.
Il-Ministru Schembri stqarr li “Is-sħubija ta' Malta fil-GPAI tirrappreżenta pass importanti fl-istrateġija diġitali nazzjonali tagħna u turija ċara tal-impenn tagħna lejn governanza tal-AI responsabbli u orjentata lejn il-futur. Billi nissieħbu f'din l-għaqda globali, Malta tkun tista' tikkontribwixxi għat-tfassil tal-futur tal-AI filwaqt li tiżgura aċċess għall-kompetenza globali. Dan it-tragward jsaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala parteċipant proattiv u ta' fiduċja fil-politika diġitali internazzjonali, u jwassal għal ekosistema msaħħa għan-negozju u l-istart-ups fil-qasam tal-AI kif ukoll għal benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini."
Kenneth Brincat, Kap Eżekuttiv tal-MDIA, qal li “Id-dħul ta' Malta fil-GPAI tirrikonoxxi l-pedament sod li bnejna fir-regolamentazzjoni diġitali, l-innovazzjoni u l-litteriżmu diġitali. Nistennew bil-ħerqa li nikkontribwixxu l-kompetenza Maltija fix-xogħol tal-GPAI filwaqt li nisfruttaw għarfien internazzjonali biex inkomplu nsaħħu l-qafas nazzjonali tagħna għall-AI affidabbli."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN