STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT: Programm pilota ta' sigurtà fl-ilma għal tfal bl-awtiżmu
Tfal bl-awtiżmu huma madwar 160 darba aktar f'riskju li jmutu b'għarqa meta mqabbla ma' tfal oħra
Tħabbar programm pilota ġdid ta' sigurtà fl-ilma għal tfal bl-awtiżmu, bejn it-3 u l-5 snin, bil-għan li jsaħħaħ is-sigurtà fl-ilma, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-benesseri ġenerali tat-tfal, filwaqt li jippromwovi involviment attiv tal-ġenituri jew il-gwardjani legali.
It-tħabbira ta' dan il-programm saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. Il-programm magħmul biex juża strateġiji u għajnuna adattati għall-bżonnijiet sensorjali, ta' komunikazzjoni u ta' tagħlim. Il-parteċipazzjoni tal-ġenituri tul is-sessjonijiet tiżgura appoġġ kontinwu u rinfurzar tal-ħiliet fid-dar, u b'hekk tiżdied il-possibbiltà li t-tfal jiksbu u jżommu dawn il-ħiliet fit-tul.
Il-programm huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, billi jippromwovi soċjetà inklużiva u b'saħħitha u jsaħħaħ il-benesseri ta' tfal b'bżonnijiet diversi. Dan il-proġett jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, jappoġġja l-awtonomija u s-sigurtà tat-tfal b'diżabilità, u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri fil-ħajja komunitarja.
Il-programm se jitmexxa fuq perjodu ta' 10 ġimgħat u t-taħriġ se jiġi pprovdut minn kowċis kwalifikati. Is-sessjonijiet se jibdew f'pixxini msaħħna fuq ġewwa. Is-sessjonijiet huma mistennija jibdew f'Marzu.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “Dan il-programm pilota jirrifletti b'mod konkret l-impenn tal-Gvern lejn il-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika pubblika. Billi ninvestu f'interventi bikrin u inklużivi għal tfal bl-awtiżmu u nsaħħu r-rwol tal-ġenituri bħala sħab fl-iżvilupp ta' uliedhom, qed nibnu soċjetà aktar ġusta, sigura u b'saħħitha għal kulħadd. L-inklużjoni mhijiex privileġġ, iżda dritt fundamentali li rridu niżgurawh sa mill-ewwel snin tal-ħajja."
Dr Lorraine Azzopardi, Child and Adolescent Consultant Psychiatrist, saħqet li dawn is-sessjonijiet huma essenzjali, hekk kif tfal bl-awtiżmu għandhom riskju ogħla li jaħarbu minn taħt għajnejn il-ġenituri u spiss ikunu attirati lejn l-ilma. Hija spjegat li l-awtiżmu huwa marbut ma' riskju ferm ogħla ta' għarqa. Fil-fatt, skont studji mill-Columbia University Irving Medical Centre, tfal bl-awtiżmu huma madwar 160 darba aktar probabbli li jmutu b'għarqa meta mqabbla ma' tfal oħra. “Għalhekk, il-lezzjonijiet tal-għawm u l-edukazzjoni dwar is-sigurtà fl-ilma għandhom ikunu prijorità assoluta," sostniet Dr Azzopardi.
Leanne Xuereb Ungaro, Head Coach ta' Just Keep Swimming Malta, saħqet li matul dawn is-sessjonijiet, minbarra li t-tfal se jingħataw taħriġ biex jitgħallmu jgħumu, se jingħataw ukoll gwida biex jiżviluppaw aktar kunfidenza u sigurtà fl-ilma.
Stephanie Rocco, Direttur Ġenerali mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat tkellmet kif dan il-programm huwa miftuħ għal tfal eliġibbli li huma detenturi tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità (EU Disability Card). L-applikazzjoni online tista' timtela permezz tal-formola “Water Safety for Autistic Kids and Parental Skills Programme – Collaboration" li tinsab fuq is-sit www.inclusion.gov.mt. Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija nhar il-Ġimgħa 20 ta' Frar 2026.
Għal aktar mistoqsijiet, wieħed jista' jikkuntattja lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat fuq strategysupport.miv@gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN
PR2602378a.pdf